STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA: Proġett Soċjetà Ġusta: It-tnax-il residenza għal persuni b’diżabilità

Reference Number: PR190296, Press Release Issue Date: Feb 14, 2019
 
Is-Sinjura Maria Mercieca, residenta fit-tnax-il dar li tagħmel parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta, laqgħat lis-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis fir-residenza tagħha fin-Naxxar. Din ir-residenza hija t-tnax-il residenza bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal illi, “kull residenza hija differenti minn oħra. Għalkemm l-investiment infrastrutturali f’dan l-apartament min-naħa tagħna mhux wieħed estensiv, dak li qegħdin nagħmlu llum huwa sinifikanti u huwa riflessjoni tal-politika ta’ dan il-Gvern, għaliex nemmnu li kull persuna għandha d-dritt għad-dinjità u l-indipendenza biex tilħaq l-potenzjal u x-xewqat tagħha. Huwa għalhekk li qegħdin inkomplu ninvestu fil-Proġett Soċjetà Ġusta u fis-servizzi ta’ appoġġ u sostenn.”

B’investiment ta’ madwar €8,000 fis-sena, u servizz ta’ live-in carer provdut minn Aġenżija Sapport, Maria Mercieca qiegħda tilħaq l-aspirazzjoni tagħha li tgħix fil-komunità b’mod indipendenti, filwaqt li taħdem u tikkontribwixxi f’pajjiżna.

Waqt din l-attività, Maria u Rochelle tkellmu fuq ir-relazzjoni ta’ ħbiberija u rispett li nibdet bejniethom. B’hekk apparti s-sigħat tax-xogħol li huma dmir tagħha, Rochelle tqatta’ l-ħin liberu tagħha ma’ Maria wkoll. Flimkien huma jiddeċiedu fuq kif ser iqattgħu l-ġranet tagħhom, u saħansitra Maria dawret lil Rochelle madwar Malta.
Il-Proġett Soċjetà Ġusta joffri servizzi ta’ sostenn u għandu l-kapaċità jilqa’ madwar 75 resident b’diżabilità bi bżonnijiet diversi, fi tnax-il dar residenzjali madwar Malta u Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, qal illi dan juri biċ-ċar il-frott li qiegħed iħalli l-Proġett Soċjetà Ġusta, li minnu qed jibbenefikaw persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom, fejn il-kwalità tal-ħajja hija prijorità. Huwa faħħar ix-xogħol tal-Aġenzija Sapport u rringrazzja lis-Sa Connie Camilleri, Chairperson tal-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti, li magħha sar il-ftehim sabiex ix-xewqa ta’ Maria Mercieca saret realtà.

PR190296a.jpg 
PR190296b.jpg