STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA Iffirmat ftehim biex aktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol

Reference Number: PR191921, Press Release Issue Date: Sep 16, 2019
 
Waqt l-iffirmar tal-ftehim bejn Aġenzija Sapport u l-Malta Employers' Association (MEA), is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis sostna li l-isfida li l-persuni b'diżabilità jsibu diffikultà biex isibu impjieg irridu ndawruha f'opportunità bil-għan li nilħqu mira li l-ebda persuna b'diżabilità ma tkun f'sitwazzjoni ta' qgħad.
 
Anthony Agius Decelis spjega li sa Frar li għadda, ftit aktar minn 2,700 persuna b'diżabilità kienu ngaġġati f'impjieg fuq bażi  full-time filwaqt li madwar 850 persuna oħra kienet qed taħdem fuq bażi part-time. Minkejja l-avvanzi li saru u l-isforzi li qed isiru min-naħa tal-gvern u r-rispons pożittiv li hemm mill-intrapriża, xorta waħda hemm persuni li għandhom diżabilità li għadhom ifittxu impjieg.

Joseph Cini, il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Sapport, enfasizza l-importanza ta' dan il-ftehim għax se jwassal għal kollaborazzjoni aktar b'saħħitha ma' kumpaniji u ma' intrapriżi fis-settur privat. Din il-kollaborazzjoni se tgħin fil-promozzjoni ta' servizzi u proġetti tal-aġenzija li kumpaniji u ħaddiema tagħhom jistgħu b'xi mod jibbenefikaw minnhom.

Is-Sur Cini saħaq li fil-preżent diġà bdiet ħidma bejn iż-żewġ entitajiet fejn membri tal-assoċjazzjoni se jirċievu taħriġ minn Aġenzija Sapport dwar kif jistgħu jimpjegaw u jintegraw persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol permezz tal-proġett INK, programm ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u mmexxi minn Aġenzija Sapport.

Is-Sur Joseph Farrugia, Direttur Ġenerali tal-MEA, żied li din il-kollaborazzjoni hi waħda minn sensiela li l-MEA qed taħdem fuqhom biex ittejjeb il-parteċipazzjoni ta' nies b'diżabilità fix-xogħol. Hu qal li b'dan il-ftehim ma' Aġenzija Sapport se jkun hemm sinerġiji aktar b'saħħithom bejn l-aġenzija, azjendi ta' negozju u nies b'diżabilità. Semma li permezz tal-MEA Index se jiżdiedu l-komunikazzjoni u l-informazzjoni lill-kumpaniji li jkollhom interess li jimpjegaw nies b'diżabilità

MEA 1.jpg
MEA 2.jpg
MEA 3.jpg