STQARRIJA GĦALL-MIDJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAL PERSUNI B'DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA

Reference Number: PR22032019, Press Release Issue Date: Mar 22, 2019
 
  Faċilitajiet multi-sensorjali ġodda għall-persuni b’diżabilità

​Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, inawgura faċilitajiet multi-sensorjali ġodda u hammett bath ġewwa ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità fl-Imtarfa.
 
L-Onor. Anthony Agius Decelis spjega kif dawn il-faċilitajiet joffru opportunità biex persuni b’diżabilità jkollhom post sikur fejn il-klijenti jkunu jistgħu iqattgħu ftit ħin biex jikkalmaw speċjalment meta jkunu għaddejjin minn ħin ta’ ansjetà. B’hekk din il-kamra tgħinhom jirrilassaw b’mod terapewtiku bl-użu tal-hammett bath u tekniki rilassanti u sensorjali oħra. Il-kamra multi-sensorjali tikkonsisti fi dwal, mużika u oġġetti oħra intenzjonati li jistimulaw is-sensi ta’ persuni b’diżabilità li jagħmlu użu minn dan il-programm.
 
Dawn il-faċilitajiet u l-programmi, li huma ddisinjati minn professjonisti fi ħdan l-Aġenzija Sapport, huma aċċessibli għal madwar 140 persuna b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi f’dan iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum, iċ-Ċentru tal-Imtarfa ż-żgħir, kif wkoll residenti ta’ Villino Marija, fl-Imtarfa stess.
 
Is-Sur Joe Cini, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, spjega li sabiex il-persuni b’diżabilità jibbennefikaw bl-aħjar mod minn dawn il-faċilitajiet u l-programmi,  sar assessjar tal-klijenti kollha sabiex ikunu determinat jekk jistgħux jagħmlu użu minnhom, u l-bżonnijiet li għandhom dawn il-persuni.
 
Dan il-proġett kien possibli permezz ta’ donazzjoni ta’ 5,000 li ngħatat mill-Ħbieb ta’ Aġenzija Sapport, għaqda magħmula minn ġenituri ta’ persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi tal-istess Aġenzija, u li ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar sittax-il sena. L-ispiza għal dan il-proġett telgħet għal madwar 6,500.
 
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, faħħar il-ħidma li qegħda ssir ġewwa d-diversi Ċentri ta’ Matul il-Jum immexxija mill-Aġenzija Sapport, li joffru spazju fejn il-persuni b’diżabilità jkomplu jizvillupaw il-kapaċitajiet tagħhom.​