STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA: Aktar tisħiħ ta’ Aġenzija Sapport

Reference Number: PR170855, Press Release Issue Date: Apr 04, 2017
 
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana żaru xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed isiru fiċ-Ċentru għat-Taħriġ tal-Adulti f’Ħal Far bħala parti mill-impenn tal-Gvern li qed iwassal għal aktar tisħiħ ta’ Aġenzija Sapport.
 
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li wara li sena ilu Aġenzija Sapport akkwistat l-awtonomja tagħha, beda jiġi implimentat programm sħiħ biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet tal-istess aġenzija.
 
Kien għalhekk li l-Gvern imbarka fuq proġett vast b’investiment sostanzjali f’din l-Aġenzija biex mhux biss jogħla l-livell tal-istrutturi eżistenti, imma jsir investiment ukoll fit-tagħmir, taħriġ tal-ħaddiema, kif ukoll programmi għall-klijenti li jibbenefikaw mis-servizzi tagħha. Justyne Caruana fakkret kif f’dawn l-aħħar ġranet sar investiment f’ċentru għat-taħriġ, f’vetturi ġodda, kif ukoll reklutaġġ għal iktar riżorsi umani.
 
Dwar il-proġett ta’ Ħal Far, hija rrimarkat li dan il-Gvern għandu strateġija ta’ ħames snin li timplimenta l-politika nazzjonali. Din tinvolvi l-Gvern kollu u l-ministeri kollha, u dan sabiex niżguraw implimentazzjoni sħiħa u kostanti. Fost oħrajn, il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura huwa sieħeb ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija fejn jirrigwardja xogħlijiet infrastrutturali. Grazzi għall-Ministru Mizzi, saru ħafna xogħlijiet fi żmien qasir biex iċ-Ċentru ta’ Ħal Far seta’ jżid is-servizzi li jingħataw lill-klijenti.
 
Iċ-Ċentru ta’ Ħal Far però kiseb innovazzjoni oħra għaliex għandu sponsorship mingħand il-privat biex seta’ jsir gym bl-apparat kollu biex il-klijenti jkollhom post għat-terapija meħtieġa, kif ukoll ambjent fejn iqattgħu ħin ta’ kwalità.
 
“Dan juri kif il-Gvern tassew qed ikaxkar lil kulħadd miegħu fl-aġenda tad-diżabilità u b’hekk il-Gvern, il-privat, il-knisja, l-istakeholders u ċ-ċittadin ilkoll flimkien qed jiġbdu ħabel wieħed b’risq il-persuni b’diżabilità u l-bżonnijiet tagħhom. Din il-ħidma flimkien tgħin ukoll lill-familji ta’ dawn il-persuni għax tassew nemmnu fl-inklużjoni u fl-ewkità fejn kulħadd għandu jingħata l-opportunità li jgħix ħajja ta’ kwalità bl-aħjar u l-aqwa mod possibbli. Proġetti bħal dawn jikkonfermaw l-impenn kontinwu tal-Gvern li jwettaq bil-fatti l-miri tiegħu li f’pajjizna jkollna tassew soċjetà dejjem aktar ġusta”, fissret is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana.
 
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Mizzi kkonferma li grazzi għal dan ix-xogħol, li bħalu sar u qed isir aktar, il-Gvern huwa impenjat li jara li persuni li huma vulnerabbli fis-soċjetà tagħna jaraw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
 
Huwa semma kif dan ix-xogħol fiċ-ċentru ta’ Ħal Far jinkludi, fost oħrajn, pixxina u gym, li għandhom iservu bħala terapija għal persuni li jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet, filwaqt li tenna l-impenn tiegħu biex aktar ’il quddiem jibdew proġetti oħrajn ta’ dan it-tip.
 
Huwa qal li mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, il-Ministeru wettaq diversi proġetti oħrajn simili fil-komunità, fosthom il-bini ta’ faċilitajiet għall-boys scouts fil-Qawra, it-tisbiħ ta’ dar biex tintuża mill-girl guides f’Ħad-Dingli, xogħlijiet ta’ upgrading fiċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni mid-droga f’San Blas, kif ukoll xogħlijiet f’Dar il-Wens, Bormla.​

pr170855a.jpg
pr170855b.jpg