STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA: Ċentru ta’ żvilupp professjonali għall-Aġenzija Sapport

Reference Number: PR170806, Press Release Issue Date: Mar 30, 2017
 
“It-taħriġ professjonali tal-ħaddiema tagħna fl-oqsma tal-anzjani u d-diżabilità daħħalnieh bħala prijorità fil-ħidma kollha tas-Segretarjat Parlamentari għaż-żewġ setturi, għax dan jissarraf f'servizzi ta’ kwalità lill-klijenti tagħna waqt li jimmotiva aktar lill-istess ħaddiema.”  Dan qalitu dalgħodu s-Segretarju Parlamentgari Justyne Caruana meta inawgurat Ċentru ġdid għall-iżvilupp professjonali tal-impjegati tal-Aġenzija Sapport.

Hija fakkret li kien kważi sena ilu meta l-Aġenzija, b’avviż legali apposta, saret entità legali u awtonoma biex tipprovdi s-servizzi professjonali meħtieġa, fl-istess waqt li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità, b'liġi apposta saret regolatur fis-settur.  L-Aġenzija Sapport bħalissa tipprovdi servizzi lil madwar 900 ruħ,  bejn tfal u adulti, waqt li aktar minn 190 persuna jibbenefikaw minn servizzi fil-komunità.

Is-Segreatrju Parlamentari Justyne Caruana fissret li ħafna mis-servizzi jitolbu professjonalità u sens ta’ prudenza minħabba d-delikatezza ta’ kull każ, u għalhekk hemm ħtieġa kontinwa għal aktar taħriġ. “Fiż-żewġ setturi li għalihom jiena responsabbli dejjem nisħaq fuq il-bżonn tat-taħriġ, iktar u iktar li l-esperjenza qed turina li ċ-ċirkostanzi tal-individwi u tal-familji qegħdin kontinwament jinbidlu, waqt li l-entità u l-kumplessità tal-problemi jew sfidi dejjem qegħdin jikbru,” qalet is-Segretarju Parlamentari Caruana.

Hija saħqet li għalkemm irridu dejjem inkunu mħejjijin u proattivi, jiġu ċirkostanzi fejn il-professjonista jew ħaddiem iridu jiffaċċjaw waqtiet ta’ tensjoni jew abbuż fuq klijenti vulnerabbli fejn tkun meħtieġa azzjoni immedjata. Dr Justyne Caruana sellmet lil dawk kollha li b'responsabilità u b'sens ta' kuxjenza, jaġixxu għall-aħjar ġid tal-klijent, minkejja li sal-lum għad m'hemmx liġi apposta li tagħtihom protezzjoni legali.

"Naf li dan l-ilment ilu snin twal jitressaq, imma dan il-Gvern wasal biex iressaq din il-liġi, wara żmien ta’ konsultazzjoni pubblika - inkluż mal-istess ħaddiema involuti. Mhux biss irridu li l-istess klijenti tagħna - tfal, żgħażagħ, anzjani u persuni b'diżabilità - ikunu mħarsa minn kull forma ta’ abbuż, imma l-professjonisti li jintervjenu biex iwaqqfu dak l-abbuż ikunu protetti huma wkoll anki permezz ta’ skrutinju mill-qrati."  Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fissret dan l-abbozz bħala wieħed sensittiv, imma fl-istess ħin kuraġġuż u tassew meħtieġ.

Iċ-ċentru l-ġdid se jkun fih diversi uffiċċji li jservu għall-ippjanar u l-amministrazzjoni tal-bosta servizzi tal-Aġenzija, kif ukoll faċilitajiet moderni fejn l-impjegati tal-Aġenzija jistgħu jirċievu t-taħriġ professjonali meħtieġ.  Dan sar wara li s-sena l-oħra sar xogħol ta’ ristrutturar fl-istess Aġenzija li hija l-proveditur ewlieni fl-oqsma tad-diżabilità u ta’ ċirkostanzi oħra fil-ħajja li jeħtieġu appoġġ professjonali.

“Il-mira tal-Gvern hija li nkomplu nżidu s-servizzi, inkomplu ntejbu l-kwalità u nifirxuhom aktar biex jilħqu aktar persuni li forsi sal-lum lanqas jafu li jeżisti dan l-appoġġ u attenzjoni biex igawdu ħajja ta’ kwalità aħjar,” qalet Dr Justyne Caruana. Hija fakkret li fl-aħħar jiem l-Aġenzija bdiet topera direttament f'Għawdex ukoll.  Il-Gvern huwa dejjem iddeterminat li jinvesti aktar, kif għamel dan l-aħħar b’żewġ vannijiet minn flotta ġdida ta’ mezzi ta’ trasport mgħammrin bl-aktar apparat modern għas-sigurtà u kumdità tal-klijenti tagħna u tal-istess ħaddiema li jieħdu ħsiebhom. “Bl-istess mod il-proġett ta’ dan iċ-Ċentru jixhed l-impenn tagħna li nkomplu ninvestu fl-iżvilupp u l-ħiliet professjonali tal-impjegati nfushom,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema tax-xogħol kbir li jwettqu b’risq il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.​

pr170806a.jpg