STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA

Reference Number: PR191129, Press Release Issue Date: May 21, 2019
 
REACH – Aktar servizzi għall-persuni b’diżabilità

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia, ħabbru li x-xogħol infrastrutturali fuq il-proġett REACH beda ġmielu.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, sostna li dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €32 miljun, ser jkun qiegħed jiġi ddisinjat mill-bidu sal-aħħar bil-bżonnijiet u x-xewqat tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom fiċ-ċentru. Huwa spjega li permezz ta’ dan il-proġett, kif ukoll bis-saħħa tal-Proġett Soċjetà Ġusta, individwi b’diżabilità u l-familji tagħhom, ser ikunu jistgħu jagħmlu l-għażla ta’ kif, fejn u ma’ min jgħixu.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva qal li permezz tal-one-stop shop, li ser jinħoloq fil-proġett REACH, ifisser binja u servizz li kollha kemm huma se jkunu aċċessibli u joffru ambjent adekwat għal kulħadd; sostenn lil familji u approach ħolistiku; aktar faċilitajiet aċċessibli u ta’ appoġġ anke għat-turisti li jżuru pajjiżna; u dinjità għal kull min f’xi żmien f’ħajtu jesperjenza d-diżabilità. REACH huwa turija ċara illi dan il-gvern jisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-esperti u l-persuni li jesperjenzaw l-isfidi, u flimkien nindirizzawhom.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan il-proġett iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huwa sinjal ċar li apparti l-ħolqien ta’ ġid u prosperità, l-inklużjoni hija fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ dan il-gvern.

“Il-pjan tal-gvern għal persuni vulnerabbli u persuni b’diżabiltà huwa holistiku. Bil-fondi Ewropej qed ninvestu mhux biss f’bini u infrastruttura iżda wkoll f’servizzi u għajnuna fil-ħiliet permezz anke ta’ proġetti oħrajn minn fondi Ewropej bħal INK u VASTE, li qed jgħinu diversi persuni sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. L-interess tagħna huwa li mhux biss noffru d-dinjità imma wkoll li kulħadd ikollu sehem fis-suċċess li pajjiżna qed jikseb,” qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, is-Sur Joseph Cini qal illi REACH ser ikun qiegħed joffri servizzi ta’ respite, residenza tranżizzjonali, u ta’ rijabilitazzjoni, filwaqt li ser jinkludi wkoll spazji għal intrapriżi soċjali, sabiex inkomplu nsaħħu l-prinċipju u d-dritt li persuni b’diżabilità jgħixu ħajja indipendenti b’dinjità. REACH ser ikun mgħammar b’faċilitajiet, inkluż pixxina terapewtika, gym, restaurant fost oħrajn, li se jkunu skont standards stabbiliti kif ukoll bl-aktar apparat u faċilitajiet moderni.

Filwaqt illi l-proġett REACH ser jkun qiegħed jitlesta fl-2023, il-ħidma mill-aspett soċjali preparamenti għas-servizzi, il-ħaddiema, u djalogu bejn il-partijiet interessati kollha ser jibqa’ għaddej matul dawn l-erba’ snin; sabiex l-għanijiet ta’ REACH favur ħajja indipendenti għall-persuni b’diżabilità jibdew jintlaħqu anke sakemm ikun għadu għaddej ix-xogħol.​