L-Aġenzija introduċiet il-Kumitat Konsultattiv ta’ Aġenzija Sapport biex jindirizza l-bżonn ta’ aktar kollaborazzjoni mal-klijenti u mal-familjari jew il-kuraturi legali tagħhom. Din l-inizjattiva tiffaċilita d-djalogu bejn l-Aġenzija u l-klijenti u tinkoraġġixxi l-qsim tal-esperjenzi u l-kompetenzi tagħhom għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

 

Il-Kumitat Konsultattiv għall-klijenti mhux kumitat eżekuttiv iżda jipprovdi forum għal rappreżentazzjoni tal-klijenti tal-Aġenzija, il-familjari u l-kuraturi legali tagħhom. Il-Kumitat Konsultattiv jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Aġenzija Sapport dwar is-servizzi u l-programmi tagħha.

 

L-għan tal-kumitat hu:

  • Li jiddiskuti kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu b’mod esklussiv mas-servizzi ta’ Aġenzija Sapport;

 

  • Li jagħti ideat dwar kif jistgħu jittejbu s-servizzi, speċjalment biex jaqdu aħjar il-bżonnijiet u l-preferenzi tal-persuni b’diżabilità u tal-familjari jew il-kuraturi legali tagħhom;

 

  • Li jaqsam l-esperjenzi relatati mas-servizzi offruti mill-Aġenzija kif ukoll għarfien u informazzjoni rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-servizzi;

 

  • Li jkun disponibbli biex jiddjaloga mal-klijenti, mal-familjari u l-kuraturi legali tagħhom, u ma’ dawk li jipprovdu s-servizz;

 

  • Li jisma’, iqis u jiddiskuti perspettivi differenti u jippreżenta ideat ġodda.

 

 

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq qa.sapport@gov.mt  jew iċempel fuq il-Helpline tal-Aġenzija Sapport – Freephone Servizz.gov 153 (ext. 05) jew fuq 2256 8000.