Aktar minn €100,000 investiti f’Dar Andrew biex tissaħħaħ il-ħajja indipendenti ta’ persuni b’diżabilità

Issue date
15/07/2026
PR number
PR261188
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Persuna b’diżabilità li għal dawn l-aħħar 16-il sena kienet tgħix ma’ residenti oħra f’Dar Andrew f’Bormla, issa se tkun tista’ tibda kapitlu ġdid f’ħajjitha hekk kif se tgħix b’mod aktar indipendenti fl-appartament il-ġdid li nħoloq permezz ta’ investiment ta’ aktar minn €100,000 minn Aġenzija Sapport.

 

 

Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia għamlet fir-residenza, fejn ġiet murija r-rinnovazzjoni li twettqet li wasslet għall-ħolqien ta’ dan l-ispazju residenzjali ġdid, iddisinjat apposta biex jindirizza l-bżonnijiet individwali tal-persuna u jkompli jrawwem l-għajxien indipendenti.

 

 

Permezz ta’ dan il-proġett, parti mir-residenza ġiet trasformata f’appartament separat u modern li se jkun qed jakkomoda persuna b’diżabilità li bħalissa tgħix fir-residenza flimkien ma’ residenti oħra. Dan l-ispazju ġdid se joffri ambjent aktar adattat għall-bżonnijiet individwali tagħha, filwaqt li jappoġġja t-tranżizzjoni lejn livell akbar ta’ indipendenza. Dan il-proġett se jfisser li waħda mis-sitt persuni li ilhom 16-il sena jgħixu flimkien f’din ir-residenza issa se tkun tista’ tagħmel il-pass li tgħix b’mod indipendenti fl-appartament il-ġdid.

 

 

Il-Ministru Julia Farrugia qalet kif dan il-proġett huwa eżempju ċar tal-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’servizzi moderni u personalizzati li jqiegħdu lill-persuna fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.

 

 

“Il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità ma titkejjilx biss bis-servizzi li noffru, iżda bl-opportunitajiet li noħolqu biex jgħixu b’mod aktar indipendenti u jkollhom kontroll akbar fuq ħajjithom. Dan l-investiment huwa xhieda tal-prijorità li dan il-Gvern qed jagħti lill-inklużjoni u lill-għajxien indipendenti. Qed nibqgħu ninvestu f’faċilitajiet u servizzi ta’ kwalità li jpoġġu lill-persuna fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni, għax nemmnu li Malta għandha tkompli tkun pajjiż fejn kulħadd ikollu l-opportunità jilħaq il-potenzjal tiegħu u jgħix b’dinjità,” sostniet il-Ministru Farrugia.

 

 

Il-Ministru żiedet tgħid li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ il-ħidma ta’ Aġenzija Sapport sabiex aktar persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal servizzi li jirrispondu għall-ħtiġijiet individwali tagħhom u li jħejjuhom għal ħajja kemm jista’ jkun indipendenti.

 

 

Ir-rinnovazzjoni twettqet wara assessjar dettaljat minn occupational therapists u professjonisti oħra, sabiex l-appartament ikun iddisinjat skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-individwu. Il-persuna se tibbenefika minn programm individwalizzat iffukat fuq it-tisħiħ tal-ħiliet għall-għajxien indipendenti, bl-appoġġ kontinwu ta’ żewġ professjonisti. Ix-xogħlijiet inkludew tibdil strutturali, rinnovazzjoni tal-kamra tal-banju, sistemi ġodda tad-dawl u tal-ilma, arja kkundizzjonata, aperturi, bibien u għamara ġdida, kollha mfassla biex joffru ambjent modern, sigur u aċċessibbli.

 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna saħaq kif dan il-proġett juri biċ-ċar il-ħidma fil-prattika ta’ żewġ prinċipji marbuta mal-istrateġija tal-Aġenzija, dak ta’ servizzi personalizzati u dak ta’ għajxien indipendenti. “Dan il-proġett ġie mfassal fuq il-pjanijiet individwalizzati, u skont il-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità bl-għan li jissaħħaħ l-għajxien indipendenti ssapportjat. Pjanijiet li kemm il-persuna nnifisha, il-familjari tagħha u l-professjonisti involuti fil-ħajja tal-individwu jfasslu flimkien għall-kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv.​​

Skip to content