STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U L-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal flimkien mal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, ħabbru miżura soċjali ġdida li ser tkun qed tgħin lil min għandu diżabilitajiet moħbija u problemi serji ta’ funzjonalità, minkejja li ma jkollux diżabilità msemmija fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu, fost oħrajn, il-Fibromyalgia, l-ME u l-awtiżmu.
Permezz ta’ din il-miżura, se ssir konsolidazzjoni tal-evalwazzjoni medika tal-persuni b’diżabilità. Biex wieħed japplika għall-assistenza għal diżabilità, l-applikazzjoni ssir onlajn u l-proċess jiskatta direttament mill-ispeċjalista kuranti tal-persuna, permezz tal-eID tiegħu. B’hekk id-dokumentazzjoni medika tkun awtentikata mill-ewwel.
Eventwalment, dawn il-persuni ser jibdew jidhru quddiem bord inter-professjonali mmexxi mill-Aġenzija Sapport u l-evalwazzjoni ser tkun imsejsa fuq standards internazzjonali dwar Saħħa u Diżabilità mħaddma mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO. Dawn il-bordijiet se jitwaqqfu wara li ħarġet sejħa pubblika mill-Aġenzija Sapport għall-professjonisti meħtieġa sabiex jassistu fil-bord.
L-aktar żvilupp importanti f’dan kollu huwa li persuni li ma jkollhomx diżabilità imsemmija fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, li ħafna drabi tista’ ma tkunx viżibbli imma xorta tkun qed tikkawża tbatijiet, se jkun qed isirilhom assessjar skont l-International Classification of Functioning, Disability and Health (ICF) tal-WHO.
B’dan il-mod, se jibda jkun assessjat aħjar mill-professjonisti in-nuqqas ta’ funzjonalità tal-persuna u li eventwalment dan ikun qed jiggwida lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u lill-Aġenzija Sapport dwar liema benefiċċji u servizzi tali persuni għandhom dritt għalihom u jistgħu jingħataw.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li dan il-pass ser jgħin b’mod effettiv mijiet ta’ persuni li sa issa qatt ma kienu bbenefikaw minn benefiċċji marbuta mad-diżabilità. “Dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed, u aktar minn hekk jidħol għal min għandu bżonn t’assistenza jew għajnuna. Ir-ruħ soċjali tagħna se tibqa’ hemm għaliex nemmnu f’ġustizzja soċjali ma’ kulħadd. Ħadd m’għandu jkun żvantaġġjat minħabba diżabilità jew kull tip ta’ sitwazzjoni li tista’ tkun ta’ xkiel għal ħajja ta’ dak l-individwu,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fissret kif wara djalogu kontinwu qed jagħmlu din ir-riforma tant importanti u qed jimplimentaw din il-miżura elettorali li l-għan tagħha huwa li toħloq ġustizzja ma’ dawk il-persuni b’diżabilità li s’issa ma kinux eliġibbli għal benefiċċju finanzjarju biex b’hekk itaffu mit-tbatija li ta’ kuljum qed jesperjenzaw.
“Żammejna kelmtna ma’ dawk li fis-silenzju kienu qed iġarrbu piż sinifikanti. Permezz tar-riforma ser jibda jintuża l-international classification of functioning, li hija għodda tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa fil-mod kif applikant jiġi assessjat. Dan ifisser li l-eliġibilità mhix ser tibqa’ ristretta fuq il-lista li tinsab fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali u b’hekk Malta issa wkoll qed tallinja ruħha mal-konvenzjoni għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità tal-Ġnus Magħquda għal mod kif ser jibdew jiġu assessjati s-servizzi u benefiċċji tad-diżabilità fejn numru ta’ kundizzjonijiet li sal-lum ma kienux eliġibbli għal ċertu benefiċċji soċjali, fosthom kundizzjonijiet li ma jidhrux, ser ikunu fiċ-ċans li jsiru eliġibbli. Inħares ’il quddiem biex flimkien mal-kumplament tas-servizzi offruti mill-Aġenzija Sapport, din ir-riforma tagħti xaqq ta’ dawl għal ħafna persuni u l-familji tagħhom,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

