STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
Inizjattiva li għaqqdet l-edukazzjoni u l-inklużjoni ħadet il-ħajja biċ-ċentru Ħolqa ta’ Aġenzija Sapport fil-Qrendi. Dan wara li grupp ta’ 26 student tal-arkitettura mill-Università ta’ Malta, inkluż studenti barranin li qed jitgħallmu hawn Malta, taħt il-gwida ta’ Dr Alexia Mercieca mid-Dipartiment tal-Arkitettura u d-Disinn Urban, ħadmu fuq proposta biex il-sular fil-binja Ħolqa tal-Qrendi jinbidel f’Youth Hub. Dan l-ispazju se jiġi ddedikat għal żgħażagħ b’diżabilità li huma membri tal-programm Sharing Lives.
L-istudenti, li matul ix-xhur li għaddew saru jafu aħjar lil dawn iż-żgħażagħ permezz ta’ laqgħat u attivitajiet, ħadmu fi gruppi sabiex offrew soluzzjonijiet kreattivi u sostenibbli għall-użu ta’ dan l-ispazju. Dawn il-proposti ġew ippreżentati lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, kif ukoll lill-membri ta’ Sharing Lives, professjonisti, voluntiera u timijiet ta’ Aġenzija Sapport.
Il-preżentazzjoni saret bil-parteċipazzjoni ta’ Dr Irina Miodragovic Vella, il-Kap tad-Dipartiment tal-Arkitettura u d-Disinn Urban, id-Dekan tal-Fakultà, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif din l-inizjattiva kienet eżempju ċar ta’ kif il-Gvern fetaħ il-bibien għal kollaborazzjoni diretta mal-istudenti għall-ewwel darba bi proġett ta’ dan it-tip. “Permezz ta’ dan il-proġett mhux biss tajna opportunità lill-istudenti biex jesprimu l-għarfien u l-kreattività tagħhom, iżda ħloqna wkoll spazju inklużiv li jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ b’diżabilità. Din hi l-viżjoni tagħna ta’ edukazzjoni li twassal għal bidla soċjali konkreta, li tgħaqqad flimkien is-settur akkademiku u dak soċjali biex flimkien nibnu komunità aħjar għal kulħadd. Apparti hekk, dan il-proġett wera ċar is-sinerġija u l-ħidma kollaborattiva bejn l-Aġenzija u l-lokal tal-Qrendi.”
Matul it-tħejjijiet, saru diskussjonijiet diretti u miftuħa mal-membri ta’ Sharing Lives, li fiha ż-żgħażagħ b’diżabilità kienu parti attiva fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Permezz ta’ dan id-djalogu, il-parteċipanti kellhom l-opportunità jiddiskutu l-proposti li ġew ippreżentati u jivvalutawhom fuq il-bażi tal-funzjonalità, il-kreattività u l-impatt pożittiv fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn iż-żgħażagħ għażlu huma stess id-disinn favorit tagħhom għall-Youth Hub, b’għarfien ċar li dan l-ispazju se jkun iddisinjat skont il-bżonnijiet u l-aspettattivi tagħhom.
Dan il-proċess ta’ parteċipazzjoni attiva jkompli jsaħħaħ il-viżjoni tal-Gvern u Aġenzija Sapport li jpoġġu l-awtonomija tal-persuni b’diżabilità fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Issa li ġie magħżul id-disinn finali, il-proġett se jidħol fil-fażi tal-implimentazzjoni. L-implimentazzjoni tal-proġett se titmexxa mill-uffiċċju tal-proġetti u l-manutenzjoni ta’ Aġenzija Sapport, li se jassiguraw li dan il-proġett jitlesta skont l-ogħla standards.


