Persuni b’diżabilità f’Għawdex b’servizzi mtejba

Issue date
30/08/2024
PR number
PR241382
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Permezz ta’ sostenn mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, l-għaqda Għawdxija Voice for Inclusion Gozo ibbenefikat minn għajnuna ta’ apparat fiżiku kif ukoll minn finanzjament ogħla għal skola tas-sajf għal persuni b’diżabilità.

 

Dawn il-proġetti tħabbru mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fi żjara li għamlet fis-Sannat Special Unit, f’Għawdex.

 

Għat-tielet sena, ġie ffirmat ftehim bejn Aġenzija Sapport, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u l-għaqda Voice for Inclusion Gozo biex b’investiment ta’ €160,000 jitmexxa l-proġett tas-sajf Summer Intensive Course. Permezz ta’ dan l-investiment, qed jibbenefikaw 67 student b’diżabilità, żieda ta’ 17-il student fuq is-sena li għaddiet.

 

Dawn is-sessjonijiet qed isiru fuq medda ta’ 10 ġimgħat, u jinkludu taħriġ fil-matematika permezz ta’ storytelling, sessjonijiet ta’ drama, ICT, tisjir u xogħol bit-tafal. Kull parteċipant qed ikollu LSE fuq bażi individwali u tutors speċjalizzati li jaraw il-progress ta’ kull student u li kulħadd ikun inkluż fl-attivitajiet ippreparati.

 

Apparti dan l-investiment, permezz ta’ proġett mill-iskema Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) iffinanzjat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), inxtara tagħmir għal taħriġ fiżiku għal persuni b’diżabilità, flimkien ma’ numru ta’ strumenti mill-iskema Small Initiatives Scheme (SIS), li wħud minnhom jistgħu jitħaddmu bil-moviment tal-għajnejn. Dan it-tagħmir, ser ikun jista’ jintuża minn studenti Għawdxin, kemm waqt u anki wara l-ħinijiet tal-iskola.

 

B’hekk, bl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, Voice for Inclusion Gozo Association bl-għajnuna tas-Sannat Special Unit li ser jospitaw dan it-tagħmir, ser ikunu mhux biss f’pożizzjoni li jipprovdu servizz tant meħtieġ lill-komunità Għawdxija ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali, iżda wkoll ser jgħinu lill-istaff tal-Ispecial Unit fl-iskola primarja tas-Sannat permezz ta’ taħriġ li permezz tiegħu jistgħu jipprovdu servizz aktar komprensiv lil dawn it-tfal.

 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif dawn iż-żewġ proġetti se jkomplu jgħinu lill-persuni b’diżabilità Għawdxin jilħqu l-potenzjal tagħhom. “Bħala Gvern għandna l-obbligu li ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità. Billi nappoġġjaw lil Voice For Inclusion Gozo fil-missjoni tagħhom li jagħtu s-setgħa lill-persuni b’diżabilità, qed ngħinu biex naċċertaw li l-individwi kollha, irrispettivament mill-kapaċità tagħhom, ikollhom aċċess għal servizzi li joffru wens u għajnuna. Dawn il-proġetti huma pass sinifikanti ’l quddiem lejn it-trawwim kemm tal-iżvilupp fiżiku kif ukoll dak edukattiv għall-persuni b’diżabilità. Nemmnu li dan l-investiment se jkollu impatt b’saħħtu fl-indipendenza tagħhom,” temmet tgħid il-Ministru.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo qal, “Huwa ta’ pjaċir li nkomplu naraw, sena wara oħra, l-iskema VOPS titħaddem u tkattar il-ġid. Il-konkorrenza hija waħda tajba ferm u dan ikompli jqawwielna qalbna sabiex inkomplu naħdmu dejjem aktar għall-ġid tas-settur, li fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’ġid għas-soċjetà.”

 

Min-naħa tagħha, Pauliana Said, iċ-Chairperson ta’ Voice for Inclusion Gozo, faħħret lill-Gvern għall-isforzi tiegħu biex jipprovdi servizzi speċjalizzati lil tfal b’diżabilità f’Għawdex. Hija enfasizzat li dan l-investiment mhux biss qed jagħmel differenza importanti fl-iżvilupp personali u edukattiv ta’ dawn it-tfal, imma wkoll qed jagħti appoġġ essenzjali lill-familji tagħhom. Said żiedet tgħid li dan l-impenn juri kemm huwa vitali li dawn it-tfal jingħataw l-opportunitajiet meħtieġa biex jilħqu l-potenzjal tagħhom f’ambjent li jappoġġjahom u jinkoraġġihom.

Skip to content