SkillUp: programmi ġodda għal ħajja aktar indipendenti u inklussiva

Issue date
06/10/2025
PR number
PR251733
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Aġenzija Sapport nediet SkillUp, unit ġdid fi ħdan l-Aġenzija li kibret mill-Programm Way to Work li ilu joffri opportunitajiet ta’ taħriġ għal persuni b’diżabilità matul dawn l-aħħar tliet snin. It-tnedija ta’ SkillUp saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna.

 

Din l-inizjattiva ġiet imfassla biex tilħaq firxa usa’ ta’ persuni b’diżabilità, mhux biss permezz ta’ taħriġ relatat max-xogħol, iżda wkoll billi tipprovdi appoġġ u ħiliet meħtieġa għall-għajxien indipendenti u għal inklużjoni sħiħa fis-soċjetà.

 

SkillUp tinkludi erba’ programmi ewlenin. L-ewwel wieħed huwa l-Way to Work, programm imniedi fl-2022 li jipprepara persuni b’diżabilità għad-dinja tax-xogħol permezz ta’ taħriġ prattiku u sessjonijiet informattivi. Bħala miżura ġdida, il-parteċipanti issa bdew jirċievu stipendju ta’ €161.35 kull erba’ ġimgħat. Il-programm Self-Skills huwa mfassal fuq bażi individwali għal min ikollu bżonn appoġġ fuq ħiliet personali jew professjonali li huma speċifiċi. Il-programm Skills4Life jiffoka fuq ħiliet ta’ ħajja indipendenti bħal komunikazzjoni, tisjir, xogħol għarfien domestiku, iġjene u relazzjonijiet. Il-programm SkillUp Awareness joffri wkoll sessjonijiet ta’ informazzjoni lill-ġenituri, edukaturi u professjonisti biex ikunu jafu x’għażliet huma disponibbli għal żgħażagħ b’diżabilità.

 

Qabel ma persuna tibda fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-programmi, isir assessjar u perjodu ta’ prova sabiex jiġi ddeterminat liema programm hu l-aktar adattat għall-ħiliet u l-bżonnijiet tagħha. Dan il-proċess jassigura li kull parteċipant jirċievi l-appoġġ personalizzat li għandu bżonn.

 

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “bil-ħolqien ta’ SkillUp, qed inkomplu nagħtu opportunitajiet sinifikanti lil persuni b’diżabilità, mhux biss biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, iżda wkoll biex jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għal ħajja indipendenti u parteċipazzjoni attiva fil-komunità. Din l-inizjattiva se tgħin biex kull persuna tingħata l-appoġġ personalizzat li teħtieġ, filwaqt li tipprovdi ambjent ta’ tagħlim u tkabbir li jsaħħaħ il-kunfidenza u l-potenzjal tagħhom. Huwa pass importanti lejn inklużjoni konkreta, fejn il-valur u l-kapaċitajiet ta’ kull individwu huma rikonoxxuti u appoġġjati b’mod sħiħ u komprensiv.” ​

 

Min-naħa tiegħu, Oliver Scicluna stqarr kif l-iżvilupp ta’ dan is-servizz ġdid qiegħed jindirizza lakuna fis-servizzi disponibbli biex jindirizzaw numru ikbar ta’ persuni, mhux biss dawk li għandhom il-potenzjal li jsibu impjieg, imma wkoll persuni oħra li minħabba d-diżabilità tagħhom dan mhux possibbli, jew li jixtiequ jiffukaw fuq kompetenzi oħra qabel dan l-istadju. SkillUp għalhekk ikompli jibni wkoll fuq l-impenn tal-Aġenzija fuq it-tisħiħ tal-abbiltajiet għall-għajxien indipendenti, u jkompli juru biċ-ċar id-direzzjoni tal-Aġenzija li tiżviluppa servizzi personalizzati, madwar u skond il-bżonnijiet tal-individwu.​

 

Waqt it-tnedija ta’ SkillUp saru diversi sessjonijiet li wrew l-għan ta’ kull programm. Il-parteċipanti ta’ Way to Work ipparteċipaw f’sessjoni fuq id-drittijiet u r-responsabbiltajiet fuq il-post tax-xogħol. Fl-istess waqt, żewġ sessjonijiet individwali ġew organizzati bħala parti minn Self-Skills, waħda dwar kif tipprepara għal intervista ta’ xogħol u oħra fuq data inputting fuq laptop. Għall-programm Skills4Life ġie ppreżentat b’sessjoni prattika ta’ tisjir fejn il-parteċipanti ppreparaw l-ikel fil-kċina tal-faċilità.

Skip to content