Karnival 2025: Inklużjoni u Kreattività minn dawk li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum

Issue date
13/02/2025
PR number
PR250234
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Aġenzija Sapport, permezz taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, qed tħejji proġett speċjali għall-Karnival ta’ din is-sena, li jinkludi żifna u karru bit-tema “This is Me”. Dan il-proġett mhux biss joffri spazju ta’ espressjoni artistika għal persuni b’diżabilità, iżda juri wkoll l-importanza tal-inklużjoni fis-soċjetà permezz tal-kultura u ċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali Maltin. Din hija l-ewwel darba persuni b’diżabilità qed jaħdmu fuq karru tal-Karnival f’livell professjonali, pass importanti lejn aktar parteċipazzjoni u viżibilità fil-komunità.

 

Żaret it-tħejjijiet għal dan il-proġett il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.

 

Il-proġett tal-Karnival din is-sena jinkludi żifna unika kkoordinata miċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Ħal Far, fejn se jipparteċipaw 16-il persuna b’diżabilità u 10 impjegati, inkluż persuni li jużaw is-siġġu tar-roti. Din iż-żifna se tkun tinkludi l-użu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija biex twassal messaġġi importanti ta’ inklużjoni u espressjoni personali.

 

Fl-istess waqt, aktar minn 30 persuna b’diżabilità mill-10 ċentri l-oħra ta’ Aġenzija Sapport qed jaħdmu fuq il-karru tal-karnival. Dan ix-xogħol qed isir f’maħżen il-Furjana, fejn klijenti differenti qed jaħdmu fuq il-bini tal-karru kuljum fi gruppi varjati. Kostumi u props qed jitħejjew minn madwar 40 parteċipant, bl-użu ta’ materjal riċiklat. Il-parteċipanti ilhom jaħdmu fuq dan il-proġett minn Ottubru u din se tkun l-ewwel darba li se jippreżentaw karru tal-karnival.

 

Il-Ministru Julia Farrugia fissret l-importanza ta’ aktar proġetti ta’ din ix-xorta. “Dan il-proġett mhux biss jipprovdi spazju ta’ espressjoni kreattiva għal persuni b’diżabilità, iżda wkoll joħloq opportunitajiet konkreti fejn jistgħu jiżviluppaw ħiliet ġodda u jieħdu sehem b’mod attiv f’attività kulturali nazzjonali mfittxija minn ħafna Maltin. L-inklużjoni ma tibqax biss kelma, iżda ssir realtà meta persuni b’kull abilità jingħataw l-ispazju u r-rikonoxximent li jistħoqqilhom. Nirringrazzja lill-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport li b’tant imħabba u dedikazzjoni jagħmlu ċert li dan il-proġett ikun suċċess.”

 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna semma kif l-involviment ta’ persuni b’diżabilità f’avvenimenti kulturali bħall-Karnival hu eżempju ċar ta’ kif l-inklużjoni tista’ tiġi pprattikata. “Din hi t-tieni sena li Aġenzija Sapport qed tinvesti riżorsi u tinkludi dan il-proġett fil-lista ta’ programmi mwassla miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, bl-inizjattiva ta’ din is-sena tinkludi numru ikbar ta’ persuni b’abbiltajiet differenti bl-involviment miċ-ċentri kollha tal-Aġenzija.”

 

Dan il-proġett se joffri esperjenza unika kemm għall-parteċipanti kif ukoll għall-udjenza li se tkun qed tgawdi minn wirja kreattiva matul il-Karnival 2025. Il-prestazzjoni taż-żifna u l-parata bil-karru se jsiru fit-23 ta’ Frar fil-Ħamrun, fis-27 ta’ Frar fiż-Żurrieq u fl-1 u t-3 ta’ Marzu fil-Belt Valletta.

Skip to content