STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR U L-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Fl-iskola primarja taż-Żurrieq, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nedew il-ktieb bl-isem ta’ Knockout Sam għal tfal li qegħdin fl-ewwel, it-tieni u t-tielet sena tal-livell primarju.
Il-ktieb, miktub mill-awtriċi Doris Schembri u ffinanzjat mill-Aġenzija Sapport, jitkellem dwar Sam, tifel, li għandu l-kundizzjoni tal-ADHD u li kien qed isib ruħu f’sitwazzjonijiet diffiċli minħabba r-rabja tiegħu. Din ir-rabja kienet qed toħloq ħafna problemi għalih, għal sħabu, kif ukoll għall-familja tiegħu. Sam xtaq li jista’ jikkontrolla r-rabja tiegħu u ma jħallihiex tikkontrollah. Kellu jsib soluzzjoni u beda dixxiplina sportiva. Sam fl-aħħar irnexxielu jikkontrolla r-rabja tiegħu u jesprimiha b’mod kostruttiv mingħajr ma jweġġa’ lilu nnifsu jew lil ħaddieħor.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet kif il-ktieb Knockout Sam jippreżentalna lezzjoni importanti ħafna, dik li nkunu konxji mill-emozzjonijiet tagħna. Kompliet tgħid li din l-istorja turina lkoll li m’għandniex inħarsu lejn tfal jew persuni b’diżabilitajiet moħbija u niġġudikaw għemilhom.
“Ngħaddi dan il-messaġġ lill-ġenituri u lill-edukaturi kollha – hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li nigwidaw lit-tfal biex jesprimu lilhom infushom u l-emozzjonijiet tagħhom, kemm jekk ikun sports, arti, mużika jew xogħol fost oħrajn,” ikkonkludiet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Clifton Grima qal “Huwa kruċjali li nagħtu l-għajnuna kollha possibbli biex it-tfal b’kundizzjonijiet moħbija jilħqu l-milja tal-potenzjal tagħhom. Permezz tal-letteratura qed nuru kif ukoll inwasslu messaġġ dwar kif titgħallem tgħix u tirnexxi bl-ADHD. Dan il-ktieb mhux biss jgħallem kif aspett ta’ din il-kundizzjoni tista’ tkun kontrollata, imma wkoll tintuża b’mod kostruttiv.” Huwa spjega wkoll kif bħala Gvern hemm ħidma biex jitwasslu dawn it-tip ta’ messaġġi permezz tal-letteratura, fosthom ukoll dwar il-bullying.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, qal li “Aġenzija Sapport qed tagħti sostenn lil din il-pubblikazzjoni sabiex tkompli tenfasizza l-impenn tal-Aġenzija li twassal messaġġi inklussivi sa miċ-ċokon. Dan minbarra li ngħarfu r-responsabilità bħala mexxejja, edukaturi u ġenituri sabiex niggwidaw lit-tfal lejn metodi sani kif jesprimu ruħhom, ikunu assertivi u jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ benefiċċju għalihom.”
Preżenti għat-tnedija tal-ktieb, kien hemm is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana, is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima, u Billy Carito, boxer u champion nazzjonali tal-boxing.