STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Bejn Jannar u Diċembru 2022, 2,445 persuna b’diżabilità rċevew servizz ta’ ħidma soċjali minn Aġenzija Sapport. Matul l-istess perjodu, kien hemm 522 persuna b’diżabilità li gawdew minn servizzi ta’ matul il-jum, 322 oħra li ħadu servizzi mogħtija miċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti (STILC) u 407 oħra rċevew servizz mill-Access to Communcation and Technology Unit (ACTU), fost l-oħrajn.
Dan ħareġ mir-rapport ta’ ħidma fuq is-sena 2022 ippreżentat mill-Kap tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, fil-preżenza ta’ diretturi minn Aġenzija Sapport. Mir-rapport jirriżulta wkoll li nħarġu 2,735 dokument tal-Blue Badge. Jirriżulta wkoll li matul is-sena 2022 ingħataw aktar minn €2.6 miljun f’assistenza lil persuni b’diżabilità permezz tal-iskemi Direct Payment, Independent Community Living u Personal Assistance Fund, filwaqt li aktar minn €761,000 ingħataw taħt l-iskema Empowerment Scheme, liema skema approvat 1,310 applikazzjoni matul l-istess perjodu.
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet ir-rapport bħala rappreżentazzjoni pożittiva li tirrikonoxxi l-isforzi kontinwi ta’ ristrutturar intern tal-entità, immirati biex itejbu s-servizzi lin-nies. Il-Ministru Farrugia Portelli rringrazzjat lil aktar minn 600 ħaddiem li jaħdmu qrib persuni b’diżabilità fi ħdan l-aġenzija. Barra minn hekk, il-ministru saħqet dwar l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex nippromwovu riforma li tinkoraġġixxi użu akbar tas-servizzi ta’ assistenza personali għal persuni b’diżabilità, li tippermettilhom jirċievu servizzi mill-kumdità ta’ darhom.
Fost l-inizjattivi ġodda li twettqu fl-2022, kien hemm it-tnedija tal-programm Way to Work, intiż biex jgħin persuni b’diżabilità permezz ta’ taħriġ li jressaqhom lejn impjieg; l-introduzzjoni ta’ programm ta’ sessjonijiet ġodda għal aħwa minuri ta’ persuni b’diżabilità (Super Sibs); ftuħ ta’ Community Hub fiż-Żurrieq u bidu ta’ proġett sabiex jinfetaħ ieħor fir-Rabat; it-trasferiment tas-servizz tal-Blue Badge mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità għall-aġenzija; ftuħ ta’ faċilitajiet residenzjali fiż-Żurrieq bħala parti mis-servizz tas-Supported Independent Living; xiri ta’ vettura drive-from-wheelchair bħala parti mill-investiment kontinwu fir-riżorsi fiċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti flimkien ma’ taħriġ ta’ professjonisti barra minn Malta bħala parti mill-istess miżura; kif ukoll iffirmar ta’ diversi MoUs u ftehim soċjali ma’ entitajiet mhux governattivi għal kollaborazzjoni fil-provediment ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità.
Oliver Scicluna, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, saħaq dwar il-ħidma u l-impenn tas-614 impjegat tal-aġenzija biex jingħataw firxa wiesgħa ta’ servizzi b’suċċess. Dan waqt li enfasizza wkoll dwar il-ħidma kontinwa mill-aġenzija sabiex tkompli tiżviluppa dejjem aktar programmi u inizjattivi ta’ livell għoli fil-mixja lejn l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, speċjalment b’aċċenn lejn għajxien indipendenti.