Sessjonijiet ta’ mużika b’għan terapewtiku għall-persuni b’diżabilità

Issue date
22/02/2023
PR number
PR230274
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR

 

Aġenzija Sapport u l-għaqda volontarja Malta Trust Foundation ġeddew il-ftehim tagħhom biex persuni b’diżabilità jingħataw sessjonijiet ta’ mużika b’għan terapewtiku minn The Marchese di Villabianca.

 

Is-servizzi mogħtija se jkunu jikkonsistu f’sessjonijiet ta’ mużika fuq bażi individwali jew fi gruppi, b’għan terapewtiku bi qbil mal-professjonisti li jsegwu lill-persuni b’diżabilità u użu tal-faċilitajiet b’mod partikolari dawk ta’ Marchese di Villabianca u servizzi ta’ terapisti taħt it-tmexxija ta’ The Malta Trust Foundation. Tmien persuni b’diżabilità se jkunu qegħdin jibbenifikaw minn dan il-ftehim.

 

Waqt żjara li saret fl-uffiċini ta’ Marchese di Villabianca, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-mużika u l-arti għandhom l-għan li jappoġġjaw u anke jittrasformaw l-esperjenza umana. “Persuni b’diżabilità jixirqilhom aċċess għal din l-opportunità biex permezz tagħha jtejbu t-tkabbir u l-iżvilupp personali tagħhom.” Hija qalet li dan il-ftehim huwa prova ċara tas-sehem b’saħħtu li l-għaqdiet volontarji jagħtu fis-settur tad-diżabilità, biex ikollna Malta aktar inklużiva.

 

Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, irrefera lejn din il-kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation bħala prova ta’ kif l-Aġenzija qed tkompli twessa’ l-firxa ta’ programmi li toffri lil tfal u adulti b’diżabilità billi tiffaċilita l-aċċessibilità lejn servizzi u riżorsi. Il-ħidma ma’ entitajiet oħra hi waħda mill-pilastri fil-provediment tas-servizz għax b’hekk persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet varji edukattivi, terapewtiċi, soċjali u inklużivi.

 

Il-President Emeritu u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie Louise Coleiro Preca ddeskriviet dan il-ftehim bħala kollaborazzjoni biex jagħmlu l-ġid ma’ tfal u żgħażagħ li filwaqt li huma żvantaġġjati, iżda għandhom abbiltajiet straordinarji meta jingħataw l-appoġġ li jixirqilhom. “Il-ftehim bejn l-Aġenzija Sapport u The Malta Trust Foundation hu msejjes fuq il-valur tal-ġustizzja soċjali u l-għarfien tas-sbuħija ta’ kollaborazzjoni ġenwina biex nagħmlu l-ġid ma’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità.”

 

Iċ-ċentru artistiku Marchese di Villabianca huwa bbażat fuq it-twemmin li l-mużika u l-arti jistgħu jkunu għodda qawwija biex jgħinu lill-persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Klijenta ta' Villabianca iddoqq istrument
Skip to content