STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
Aktar minn 80 persuna megħjuna permezz ta’ dan il-programm sa mill-bidu tiegħu
Sitt persuni b’diżabilità ġew ippreżentati b’ċertifikat wara li matul l-aħħar seba’ xhur attendew sessjonijiet offruti minn Aġenzija Sapport permezz tal-programm Way to Work.
Dan il-grupp ta’ parteċipanti, fl-età ta’ bejn l-20 sena u t-33 sena, wassal biex aktar minn 80 persuna b’diżabilità gradwaw minn dan il-kors mill-2022. F’Malta, mill-bidu tal-programm f’Ottubru 2022, 41 persuna attendew taħriġ fi grupp u wkoll ibbenefikaw minn sessjonijiet individwali, filwaqt li 34 oħra attendew biss sessjonijiet individwali. F’Għawdex, kien hemm 5 persuni b’diżabilità li attendew taħriġ fi grupp u 5 oħra li attendew biss sessjonijiet individwali.
Iċ-ċertifikati tal-gradwazzjoni tqassmu mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Dan il-kors huwa intenzjonat biex iħejji lil persuni b’diżabilità għall-impjieg billi jiffoka fuq ħiliet ta’ għajxien indipendenti u ħiliet oħra bżonnjużi fuq il-post tax-xogħol. Apparti t-taħriġ fi gruppi, il-programm Way to Work joffri sessjonijiet fuq bażi individwali sabiex wieħed ikun jista’ jiffoka fuq aspetti partikolari u jsaħħaħ ħiliet partikolari. Il-programm iffoka l-iktar fuq taħriġ prattiku bħal ħiliet li wieħed għandu bżonn għal xogħol f’uffiċċju, ġewwa fabbrika, u fi stabbilimenti tal-ikel. Il-parteċipanti kellhom ukoll l-opportunità li jżuru entitajiet differenti sabiex jaraw fil-prattika dak li jsegwu fit-taħriġ.
Minn dawk li attendew din is-sena, żewġ parteċipanti diġà sabu impjieg. Parteċipant ieħor beda jattendi taħriġ “Headstart” ta’ Lino Spiteri Foundation, u 3 parteċipanti oħrajn bdew taħriġ ta’ “Sheltered Employment” mogħti wkoll minn Lino Spiteri Foundation.
Il-Ministru Julia Farrugia tkellmet dwar ir-rwol fundamentali tax-xogħol fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità, u spjegat li dan jagħti valur u rispett lill-ħajja tagħhom. Hija saħqet li l-gvern qed jaħdem biex isaħħaħ l-opportunitajiet ta’ taħriġ u joħloq sistemi effettivi li jgħinu lil dawn il-persuni jintegraw fid-dinja tax-xogħol. “Ix-xogħol huwa sors ta’ dinjità. Il-gvern qed jagħmel sforzi kontinwi biex joffri aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u joħloq sistemi li jgħinu lill-persuni b’diżabilità jersqu eqreb lejn id-dinja tal-impjiegi. Il-programm Way to Work huwa prijorità importanti li jfittex li jippromwovi aktar inklużjoni. L-għan hu li aktar parteċipanti jlestu dan il-programm u jiksbu impjieg stabbli, li jwassal għal ħajja aktar indipendenti,” temmet tgħid il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna awgura lill-parteċipanti tal-Programm Way to Work għall-impenn tagħhom sabiex itemmu b’suċċess is-sessjonijiet imħejjija għalihom. Irringrazzja wkoll lill-ġenituri tal-kollaborazzjoni tagħhom f’dan il-vjaġġ intenzjonat li jsaħħaħ l-abbiltajiet tat-tfal tagħhom b’għan li jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex isibu mpjieg. Is-Sur Scicluna żied li l-impenn tal-Aġenzija hu dak li jżid l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità sabiex jilħqu l-aħjar potenzjal tagħhom.
Sa mill-bidu tiegħu, il-programm laħaq ukoll 26 ġenitur permezz ta’ sessjonijiet intenzjonati għall-ġenituri tal-parteċipanti bl-għan li jikkumplimentaw dak li jkun qed jingħadda lill-persuni b’diżabilità waqt li joffri spazju fejn il-ġenituri jistgħu jiddiskutu u jaqsmu ħsibijiet li jkollhom dwar l-inklużjoni ta’ wliedhom fid-dinja tax-xogħol. Din is-sena, attendew għal dawn is-sessjonijiet 8 ġenituri.
Għas-sena 2025 qed tiġi ppjanata evalwazzjoni ta’ dan il-programm. Dan sabiex l-aġenzija tara fejn jista’ jsir titjib u tibdil kif jiġu ppjanati s-sessjonijiet, waqt li wkoll tkompli ssaħħaħ il-provvediment tas-servizz bħala wieħed f’katina li flimkien joffru aktar opportunitajiet ta’ inklużjoni.
