Konferenza Nazzjonali dwar sapport individwalizzat għall-persuni b’diżabilità organizzata minn Aġenzija Sapport

Data tal-Istqarrija
02/12/2025
Numru tal-Istqarrija
PR252161
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Aġenzija Sapport organizzat konferenza nazzjonali bit-tema “Ħajti: Żvilupp ta’ qafas nazzjonali għal sapport individwalizzat matul il-ħajja għall-persuni b’diżabilità”. Din il-konferenza timmarka mument importanti fil-vjaġġ nazzjonali lejn sistema aktar integrata, fejn l-għajnuna offruta lill-persuni b’diżabilità tkun iffukata fuq il-bżonnijiet, l-għażliet u l-aspirazzjonijiet tagħhom.​​

 

Ħafna persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom jispiċċaw jinnavigaw diversi pjani, dawk mediċi, edukattiv u soċjali, li ħafna drabi ma jkunux marbuta bejniethom. Dan iwassal għal duplikazzjoni, nuqqas ta’ koerenza u kultant piż emozzjonali u amministrattiv fuq il-persuna u dawk qrib tagħha. Il-qafas il-ġdid li qed jiġi żviluppat għandu l-ambizzjoni li jelimina dawn il-frammentazzjonijiet u joħloq sistema waħda magħquda li ssegwi lill-persuna b’diżabilità tul kull fażi tal-ħajja tagħha.

 

Dan kien il-ħsieb wara din il-konferenza li serviet u offriet spazju fejn professjonisti mis-saħħa, l-edukazzjoni u s-settur soċjali ddiskutew l-isfidi li qed jiffaċċjaw u l-opportunitajiet għal riforma. Bl-enfasi tal-konferenza jkun il-kunċett tal-koproduzzjoni, fejn ikun hemm il-parteċipazzjoni attiva tal-persuni b’diżabilità fl-ippjanar tal-għajxien tagħhom stess. L-Individual Support Plan (ISP) għandu jsir strument li mhux biss jikkoordina s-servizzi iżda li jirrifletti l-vuċi, il-ħolm u l-għażla tal-persuna.

 

Din id-diskussjoni hija wkoll marbuta direttament mal-pjan nazzjonali tal-assistenza personali u l-introduzzjoni tal-baġits personali, li mistennija jagħtu aktar kontroll dirett lill-persuni b’diżabilità fuq kif jgħixu ħajjithom.

 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat li, “Pajjiż li jaspira lejn ġustizzja soċjali jeħtieġ sistema waħda, magħquda, li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru. Dan il-qafas mhux biss se jarmonizza l-pjanijiet kollha tul il-ħajja, dawk mediċi, edukattivi, soċjali u finanzjarji, imma se jagħti wkoll kontroll, għażla u setgħa lill-persuna stess. Dan hu l-qalb tħabbat ta’ din il-konferenza u l-wegħda politika tagħna.”

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna saħaq fuq it-triq ‘il quddiem fejn jidħol l-ippjanar ta’ sapport individwali għall-persuni b’diżabilità, fejn persuni b’diżabilità jingħataw sapport biex isibu t-triq tagħhom u l-indipendenza tagħhom b’għajnuna u mhux li jsibu kollox lest għalihom. “Pjanijiet individwalizzati ma għandhomx ikunu eżerċizzji amministrattivi iżda għodda b’saħħitha li tgħin lill-persuni b’diżabilità tul il-ħajja sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom b’sostenn u mhux ħidma bi skossi li tibda u tispiċċa ma’ servizz minn settur wieħed.”

 

Attendew għal din il-konferenza diversi mistednin distinti u esperti fil-qasam, kollha b’rwol importanti biex jikkontribwixxu għad-diskussjoni nazzjonali dwar sapport individwalizzat tul il-ħajja. Fost dawn kien hemm Katie McVey, Chief Operating Officer ta’ Enable, l-Professur Alexei Dingli, li spjega kif l-intelliġenza artifiċjali tista’ tkun ta’ għajnuna fil-ħolqien u l-ġestjoni tal-ISPs u Estelle Houtart mill-European Association of Service providers for Persons with Disabilities (EASPD). Kien hemm ukoll panel estensiv li jinkludi rappreżentanti mis-saħħa, mis-settur soċjali, mill-edukazzjoni, kif ukoll perspettiva ta’ ġenitur u esperjenza diretta ta’ persuna b’diżabilità. Barra minn hekk, Estelle Houtart mill-EASPD ippreżentat l-aħħar żviluppi Ewropej dwar il-qafas għall-għajxien indipendenti.

 

Din il-konferenza tmur id f’id mal-ispirtu tal-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità, li se jiffoka fuq inklużjoni sħiħa, il-parteċipazzjoni soċjali, ix-xogħol, u t-tmexxija tal-ħajja.

Skip to content