L-għan tas-Servizzi ta’ Matul il-Jum huwa li jgħinu lill-persuni b’diżabilità jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom permezz ta’ diversi tipi ta’ attivitajiet, filwaqt li jipprovdu sapport lill-familji tagħhom sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jkomplu jgħixu fil-komunità mingħajr ma jiġu esklużi mis-soċjetà jew jiddaħħlu f’xi istituzzjoni. Dawn is-servizzi għandhom ukoll l-għan li jtejbu l-abilitajiet tal-klijenti kollha fejn jidħlu l-ħiliet ta’ għajxien indipendenti biex b’hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajjithom bl-aktar mod indipendenti possibbli u jtejbu l-ħiliet tal-impjegabilità tagħhom biex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom u jkunu ċittadini attivi fil-komunità.
L-objettivi ta’ dan is-servizz jintlaħqu billi:
- jiġu pprovduti programmi dwar il-ħiliet essenzjali bħal ħiliet bażiċi li jgħinu lill-klijenti jgħixu b’mod indipendenti u ħiliet oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja;
- jiġu żviluppati programmi li jippermettu lill-klijenti jinvolvu ruħhom f’kemm jista’ jkun attivitajiet fil-komunità, kemm f’dawk relatati max-xogħol kif ukoll f’dawk tad-divertiment;
- jitwettqu programmi għall-benesseri fiżiku u psikoloġiku kif ukoll attivitajiet li jtejbu l-abilitajiet edukattivi, ta’ komunikazzjoni soċjali, kulturali u ta’ divertiment tal-klijenti.
Is-servizzi ta’ matul il-jum jassistu lill-klijenti biex joħolqu rabtiet ma’ individwi oħra, u jgħinuhom jibbenefikaw minn riżorsi oħra li huma diġà preżenti fil-komunità. Fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, il-klijenti jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem fi programmi tal-mużika, tal-arti, tad-drama, tal-isports, tal-preparazzjoni tal-ikel, tat-taħriġ, tal-attivitajiet tal-memorja, tat-trobbija tal-annimali, tal-ħiliet tal-kompjuter, tal-kitba u tal-qari. Il-klijenti, megħjuna minn Support Workers, jieħdu sehem ukoll f’attivitajiet bħat-tħejjija tal-kartolini, fuħħar, ħjata u xogħol tal-injam, fost prodotti oħrajn. Jiġu organizzati wkoll, b’mod regolari, varjetà ta’ avvenimenti sabiex il-klijenti jżuru postijiet ta’ interess, jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ divertiment, kif ukoll jaqsmu u jtejbu d-diversi ħiliet tagħhom, filwaqt li jiltaqgħu u jikkomunikaw ma’ klijenti oħra minn ċentri differenti.
Il-klijenti jibbenefikaw ukoll mis-servizzi tal-Allied Health Professionals, jiġifieri tal-Fiżjoterapisti, tal-Occupational Therapists u tal-iSpeech Language Pathologists, kif ukoll tal-Ħaddiema Soċjali, jekk ikun meħtieġ.