Aġenzija Sapport tiffaċilita esperjenzi ta’ volontarjat ma’ persuni b’diżabilità. Il-voluntiera jistgħu jingħaqdu mas-servizz tal-Aġenzija – Sharing Lives – biex jagħtu ftit mill-ħin tagħhom biex jappoġġjaw lill-persuni b’diżabilità fil-komunità.

 

Il-voluntiera ta’ Sharing Lives jiġu minn kull qasam tal-ħajja – studenti, pensjonanti, membri ta’ organizzazzjonijiet volontarji oħra u individwi li jagħtu ftit mill-ħin tagħhom.

ĠDID! – Project ARCH

ARCH tfisser Active Responsible Citizen who are Helpful. L-isem ħarġu bih il-membri tal-grupp stess ujirrifletti l-għan tal-grupp. Project ARCH hu inizjattiva li tibqa’ għaddejja matul is-sena fejn żgħażagħ b’abilitajiet differenti jagħtu lura lill-komunità u jsiru ċittadini attivi fis-soċjetà.

 

Il-membri tal-grupp huma żgħażagħ b’diżabilità u voluntiera bejn is-16 u t-18-il sena. Il-laqgħat isiru kull ġimgħa u fihom tiġi identifikata organizzazzjoni ta’ karità tal-għażla tagħhom, isir xogħol ta’ volontarjat, tiġi ppjanata attività soċjali u/jew ġbir ta’ fondi għall-organizzazzjoni magħżula. Il-membri tal-grupp ikollhom ukoll l-opportunità ta’ li jipparteċipaw f’attivitajiet soċjali bejniethom u involviment f’kampanji ta’ promozzjoni sabiex jippromwovu iktar il-ħidma tal-volontarjat.

 

Project ARCH huwa ideali għal studenti li jixtiequ għamlu esperjenza ta’ volontarjat fis-settur tad-diżabilità. Youth Worker minn Aġenzija Sapport takkumpanja lill-membri tul dan il-vjaġġ. Jingħata wkoll taħriġ u sapport lill-voluntiera ta’ Project ARCH sabiex isaħħu din l-esperjenza.

Għalfejn wieħed għandu jsir voluntier

  • Checkmark Biex jikseb esperjenza ta’ volontarjat
  • Checkmark Biex jikseb firxa wiesgħa ta’ ħiliet li jinkludu ħiliet kreattivi, ħiliet organizzattivi, taħdit fil-pubbliku, eċċ
  • Checkmark Biex jingħata l-opportunità li jissuġġerixxi u jimplimenta l-ideat tiegħu għal attivitajiet
  • Checkmark Biex jesperjenza b’mod dirett is-sodisfazzjon li jista’ jikseb mill-kontribut tiegħu lejn l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità
  • Checkmark Biex jiltaqa’ ma’ komunità ta’ voluntiera kemm lokali kif ukoll barranin
  • Checkmark Biex jaqsam esperjenzi u kulturi differenti ma’ voluntiera/impjegati oħra

Il-voluntiera jingħataw sapport kontinwu u taħriġ u superviżjoni, u b’hekk jiġi żgurat ukoll li s-servizz offrut ikun tal-ogħla livell, u li jiġu ssalvagwardjati kemm il-persuni b’diżabilità kif ukoll il-voluntiera.

Il-voluntiera li jakkumulaw aktar minn 30 siegħa ta’ servizz sal-aħħar tal-esperjenza tagħhom jingħataw ċertifikat mill-Aġenzija. Hemm ukoll inċentivi oħra stabbiliti biex il-voluntiera jiġu appoġġjati fil-ħidma tagħhom mal-klijenti.

Is-servizz huwa wkoll appoġġjat u rreġistrat ma’ Degree Plus tal-Università ta’ Malta.

IKTAR DWAR IS-SERVIZZ TA' SHARING LIVES

KIF TISTA’ TGĦIN

1

Wieħed jista’ jipparteċipa u jgħin fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet għall-persuni b’diżabilità f’kuntest ta’ grupp.

L-avvenimenti jistgħu jkunu attivitajiet ta’ darba jew programm ta’ avvenimenti.

2

Wieħed jista’ jaġixxi bħala kuntatt soċjali fejn il-voluntiera jitqabblu ma’ persuna b’diżabilità li jistgħu jagħmlu ħbieb magħha.

KIF GĦANDEK TAPPLIKA

Persuni interessati li jsiru voluntiera jrid ikollhom aktar minn 16-il sena, u huma mitluba jippreżentaw formola tal-applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti li ġejjin:

 

  • Kondotta tal-pulizija reċenti.
  • Referenza li tirrakkomanda lill-voluntier biex jaħdem ma’ persuni b’diżabilità. Dan jista’ jkun professjonist, qassis, għalliem eċċ. li jaf lill-individwu.
  • Il-voluntiera li għandhom inqas minn 18-il sena huma meħtieġa wkoll jippreżentaw formola tal-kunsens mill-ġenituri tagħhom. Din il-formola speċifika tista’ tingħata mit-tim ta’ Sharing Lives fuq talba.

 

Il-voluntiera prospettivi mbagħad jissejħu għal intervista mal-professjonisti tal-Aġenzija.

 

L-għan tal-intervista huwa li l-voluntier isir jaf aktar dwar Sharing Lives, li l-professjonisti jsiru jafu lill-voluntier u li jiġu identifikati modi kif jista’ jikkontribwixxi għas-servizz. Il-professjonisti ta’ Sharing Lives joħolqu pjan flimkien mal-voluntiera magħżula dwar l-aħjar mod kif għandu jsir il-volontarjat.

 

Sharing Lives jorganizza wkoll attivitajiet għall-voluntiera.

 

Dawk interessati li japplikaw jistgħu jimlew il-formola tal-applikazzjoni b’mod elettroniku jew iniżżlu l-applikazzjoni u jibgħatuha email, imorru biha personalment jew jibagħtuha bil-posta fl-indirizz ta’ hawn taħt.

IMLA L-APPLIKAZZJONI ONLAJN NIŻŻEL KOPJA TAL-APPLIKAZZJONI

MARKA TA’ KWALITÀ

Permezz tas-servizz Sharing Lives, Aġenzija Sapport ingħatat Marka ta’ Kwalità mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tippermetti liż-żgħażagħ juru solidarjetà mal-komunitajiet fil-pajjiż rispettiv tagħhom kif ukoll barra minn xtuthom.

Permezz ta’ dan il-premju, aktar voluntiera barranin se jkollhom l-opportunità jingħaqdu ma’ Sharing Lives bħala voluntiera.

ATTIVITAJIET

Uħud mill-attivitajiet organizzati minn Sharing Lives u l-voluntiera mill-bidu tas-servizz fl-2017 jinkludu:

 

  • Sessjonijiet ta’ rugby
  • BBQs
  • Sajd
  • Trekking
  • Bowling
  • Live-ins
  • Sessjonijiet tal-mużika
  • Sessjonijiet tal-arti
  • Sessjonijiet tal-litteriżmu diġitali
  • Sessjonijiet tal-fotografija
  • Attendenza għal kunċerti u avvenimenti nazzjonali bħal Rockestra, Isle of MTV u Military Tattoo
  • Safriet
  • Arti tal-ispettaklu

 

Il-klijenti ta’ Sharing Lives jingħataw ukoll l-opportunità li jagħtu mill-ħin tagħhom, billi jkunu voluntiera huma stess. Attivitajiet bħal dawn jippermettu lill-klijenti jikkontribwixxu lejn is-soċjetà u fl-istess ħin ikunu parteċipanti attivi fis-soċjetà.

KOLLABORATURI

Il-kollaboraturi ta’ Sharing Lives jinkludu entitajiet nongovernattivi, kumpaniji privati u istituzzjonijiet oħra fil-komunità. Dawn huma entitajiet lesti li jaqsmu r-riżorsi u d-disponibilità tagħhom biex jikkollaboraw ma’ Sharing Lives f’inizjattivi konġunti mmirati lejn il-persuni b’diżabilità li jużaw is-servizz ta’ Sharing Lives.

 

L-inizjattiva tista’ tkun avveniment ta’ darba jew programm ippjanat fuq numru ta’ sessjonijiet.

L-entitajiet interessati li jikkollaboraw ma’ Sharing Lives jistgħu jitolbu laqgħa ma’ membru tat-tim biex jiddiskutu l-idea proposta tagħhom jew biex joħolqu flimkien pjan dwar kif l-entità tagħhom tista’ tikkontribwixxi lejn Sharing Lives.

KOLLABORATURI KURRENTI U TAL-PASSAT
  • Aġenzija Żgħażagħ
  • The Brain Foundation
  • Youtheme Foundation and YMCA
  • Sedqa: Prevention Programme
  • Plethora Dance
  • HSBC
  • Armed Forces of Malta (AFM)
  • St. Anne Local Band Club
  • Science in the City
  • Malta Rabbit Club
  • Home Economics Association
  • Noah’s Ark

TESTIMONJANZI

Deborah Debono
Deborah Debono
Rwol fi ħdan Aġenzija Sapport
Voluntiera
Ħriġt miż-żona ta’ kumdità tiegħi. Esperjenzajt dan lura fl-2019, meta ddeċidejt li nsir voluntiera ma’ Sharing Lives. Dan tani l-opportunità li nagħmel ħbieb ma’ żgħażagħ b’diżabilità u li niffoka fuq il-potenzjal tagħhom u x-xebh bejnietna. Barra minn hekk, wettaqt il-placement tal-Università tiegħi ma’ grupp ta’ żgħażagħ, u għalhekk din saret esperjenza sodisfaċenti ħafna għalija.

Caroline Debono
Caroline Debono
Rwol fi ħdan Aġenzija Sapport
Voluntiera
L-esperjenza tiegħi bħala voluntiera ma’ Sharing Lives tinvolvi li niltaqa’ ma’ persuna b’diżabilità kull ġimgħa, fuq bażi individwali. Nipparteċipa wkoll f’avvenimenti fi grupp organizzati u kelli saħansitra l-opportunità li norganizza avveniment jiena stess. Din l-esperjenza ta’ volontarjat għallmitni kif inħobb mingħajr kundizzjonijiet. Il-qasam ta’ studju tiegħi huwa fil-Maniġment u din l-esperjenza għenitni nqiegħed l-istudji tiegħi, bħat-tmexxija, fil-prattika. Barra minn hekk, qed tispirani għal aktar studji fis-settur soċjali.

Alexander Konschu
Alexander Konschu
Rwol fi ħdan Aġenzija Sapport
Voluntier
Jien għamilt internship ma’ Aġenzija Sapport bħala parti mill-kors tiegħi fil-ħidma soċjali. Ir-rwol tiegħi kien jinvolvi li norganizza attivitajiet fuq bażi individwali ma’ 4 klijenti.

Fost l-attivitajiet differenti, jiena organizzajt sessjoni ta’ tisjir speċjali b’enfasi fuq l-ikel tajjeb għas-saħħa, li bdiet b’sessjoni introduttorja li fiha ddiskutejna flimkien liema ikel huwa tajjeb għal saħħitna. Ħassejtni kuntent għaliex il-klijenti ħadu gost fl-attività, u dawk li dehru mistħija fil-bidu, bdew jipparteċipaw aktar sal-aħħar tas-sessjoni. Meta tara l-bidliet fl-imġiba u fil-mod kif il-klijenti jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom, dan iġiegħlek tħoss li l-ħidma tiegħek hija utli. L-esperjenza ma kinitx dejjem faċli, iżda ma jiddispjaċinix!

Nicole Bartolo
Nicole Bartolo
Rwol fi ħdan Aġenzija Sapport
Voluntiera
Ingħaqadt mat-tim ta’ Sharing Lives f’Lulju tal-2021, u s’issa kienet esperjenza meraviljuża. Sharing Lives joffri firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet lil kulħadd. Bħala voluntiera, tgħallimt ħafna dwar diżabilitajiet differenti. Il-volontarjat tani l-opportunitajiet li niltaqa’ ma’ persuni differenti, u nesplora postijiet differenti kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Barra minn dan, inħossni sodisfatta u kuntenta li qed nagħti ftit mill-ħin tiegħi. Wieħed ma jistax jesprimi l-gratitudni li jħoss meta jgħin lill-klijenti u speċjalment meta jarahom jieħdu gost. Dan huwa l-għan ta’ Sharing Lives.

Brenda Schembri
Brenda Schembri
Rwol fi ħdan Aġenzija Sapport
Voluntiera
L-esperjenza tiegħi bħala voluntiera ma’ Sharing Lives hija verament sodisfaċenti u jien grata ħafna għal dan. Li tkun voluntiera ma jfissirx biss li tagħti l-ħin u d-dedikazzjoni tiegħek iżda li tirċievi ħafna mħabba u rispett mill-klijenti. Hija barka meta jkollok l-opportunità li tħalli impatt fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor. It-tbissima tagħhom, li turi l-kuntentizza u l-gratitudni tagħhom lejk, hija tal-għaġeb. Timlilek ruħek u tgħinek tikber bħala persuna. L-attivitajiet huma divertenti u kkuluriti kemm għall-klijent kif ukoll għall-voluntier.

Annette Agius
Annette Agius
Rwol fi ħdan Aġenzija Sapport
Voluntiera
Nieħu gost niddedika ftit mill-ħin tiegħi – nista’ onestament ngħid li nieħu ħafna sodisfazzjon mix-xogħol volontarju tiegħi ma’ dan il-grupp u fl-istess ħin qed nitgħallem ukoll affarijiet ġodda. Mill-esperjenza tiegħi, nemmen li kulħadd jista’ jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Il-volontarjat ma’ Sharing Lives jippermettili ngħin biex nisfida lil dawn iż-żgħażagħ biex jiksbu l-ħolm tagħhom.

Sharing Lives ħinijiet tal-ftuħ

 

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 08:00 – 16:30

Is-Sibt, il-Ħadd u l-Festi Pubbliċi: Mhux disponibbli

Indirizz: Aġenzija Sapport, Professional Development Centre, Triq il-Ħarrub, Santa Venera SVR 9018

Għal direzzjonijiet agħfas fuq din il-ħolqa

Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema, wieħed għandu jibgħat email fuq sharinglives.sapport@gov.mt jew iċempel fuq (+356) 2256 8000 (Malta) jew (+356) 2156 9909 (Għawdex)

Agħfas fuq din il-ħolqa għall-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs) dwar dan is-servizz
Skip to content