Il-Helpline ta’ Aġenzija Sapport – Freephone Servizz.gov 153 hi maħsuba għal persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom biex dawn ikunu jistgħu jikkuntattjaw lil Aġenzija Sapport meta jkollhom bżonn xi servizz mingħand l-Aġenzija. L-għan tagħha hu li tkun l-ewwel punt ta’ kuntatt, fejn il-bżonnijiet ta’ min ikun qed iċempel jiġu rreġistrati u jintbagħtu direttament lid-dipartiment jew lit-tim tal-Aġenzija li joffri s-servizz li jkun qed jintalab.
Wieħed jista’ jċempel ukoll fuq il-helpline biex isegwi fiex waslet ir-rikjesta tiegħu, jiddiskuti xi problemi li qed ikollu bis-servizz li qed jiġi pprovdut, jew jagħti xi suġġerimenti dwar kwalunkwe servizz tal-Aġenzija.
Il-helpline hi aċċessibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-08:00 sal-16:00 billi ċċempel fuq il-Freephone Servizz.gov 153. Wieħed imbagħad għandu jagħfas in-numru tal-extension 05 biex jaqbad tal-helpline fl-Aġenzija Sapport. Uffiċjali mħarrġa jieħdu d-dettalji ta’ min iċempel biex ikunu jistgħu jipproċessaw t-talba għas-servizz.
Id-data pprovduta minnek tiġi trattata bl-ikbar kunfidenzjalità u tiġi pproċessata fil-parametri tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 (GDPR), l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data (Kap. 586.) u l-Politika ta’ Kunfidenzjalità tal-Aġenzija. Din id-data tista’ tinżamm minn Aġenzija Sapport jew tintbagħat lill-partijiet terzi biex dawn jagħtuk l-aqwa servizz possibbli jew mod ieħor kif mitlub bil-liġi. Data dwarek tista’ tinġabar ukoll minn partijiet terzi għal dawn l-iskopijiet.