Ħarsa Ġenerali

L-Intake Team huwa l-ewwel punt ta’ kuntatt għal kull min jixtieq jitlob servizzi offruti fi ħdan Aġenzija Sapport. L-Intake huwa l-proċess inizjali tat-twassil tas-servizzi fi ħdan Aġenzija Sapport. Ir-rwol tas-servizz huwa li jappoġġja lill-utenti prospettivi tas-servizzi u lill-qraba tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom biex jidentifikaw il-ħtiġijiet, jiddefinixxu l-għanijiet li jixtiequ jiksbu, u jikkunsidraw is-servizzi interni u esterni differenti disponibbli, li jistgħu jkunu xierqa biex jgħinuhom jilħqu dawn il-ħtiġijiet u jiksbu l-għanijiet imsemmija.

Eliġibilità

Matul il-kuntatt inizjali, it-tim jiżgura li l-utent prospettiv tas-servizzi jissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità tas-servizzi tal-Aġenzija, jiġifieri li:

  • ikun hemm dijanjosi ta’ diżabilità;
  • l-età tal-utent tas-servizzi tkun bejn 0 u 60 sena;
  • l-utent tas-servizzi jagħti l-kunsens tiegħu biex jirċievi l-appoġġ.

 

L-Intake Team iżomm mal-valuri tal-Aġenzija u jaċċerta li l-kapaċità tal-utent tas-servizzi li jiddetermina xi triq se jieħu, tiġi pprattikata mill-fażijiet inizjali tat-twassil tas-servizz billi jieħu l-fehmiet tal-utent dwar il-ħtiġijiet u l-għanijiet u jinkludih fil-formulazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. Dan isir permezz ta’ kuntatt stabbilit bejn il-professjonist tal-Intake u l-utent tas-servizzi, il-familja tal-utent, u professjonisti oħra involuti. Dan il-kuntatt jinkludi żjarat wiċċ imb wiċċ, bħal żjarat fid-dar u interventi oħra meqjusa meħtieġa skont is-sitwazzjoni tal-utent tas-servizzi. Permezz ta’ żjarat bħal dawn, il-professjonist tal-Intake jkun jista’ jiġbor l-informazzjoni meħtieġa biex jappoġġja lill-utent tas-servizzi, li mbagħad jista’ jkollu l-opportunità li jifhem aħjar kwalunkwe servizz li hemm għad-dispożizzjoni tiegħu.

Riferimenti

It-tim tal-Intake li jirċievi l-każijiet ġodda jipproċessa l-każijiet kollha li jaslu minn servizzi prospettivi, il-familji u professjonisti oħra li jeħtieġu kwalunkwe servizz fl-Aġenzija. Il-każijiet kollha li jidħlu jiġu assessjati bir-reqqa mill-mexxejja tat-tim, li jidentifikaw liema servizz/i l-individwu jista’ jibbenifika minnu skont il-bżonnijiet, interessi u x-xewqat tal-individwu.

 

Il-proċess tal-intake jintemm billi jitfassal pjan bejn il-professjonist tal-Intake Team u l-utent prospettiv tas-servizzi dwar kif jistgħu jiġu aċċessati s-servizzi mixtieqa biex jintlaħqu l-għanijiet maqbula. Il-professjonisti mbagħad jaħdmu fuq ir-riferimenti meħtieġa u jwasslu lill-utent tas-servizzi għal servizzi oħra, kemm interni kif ukoll esterni, biex jappoġġjaw il-ħtiġijiet tagħhom b’mod effettiv.

Skip to content