Fit-tim tal-Ħidma Soċjali, il-Ħaddiema Soċjali jaħdmu mal-persuni b’diżabilità u mal-familji/gwardjani tagħhom, biex joffru sapport fir-rigward tat-tħassib tagħhom b’mod sħiħ u effettiv. It-tim għandu l-għan li jilħaq l-objettivi mixtieqa tal-klijent u tal-familja/carer tiegħu/tagħha permezz ta’ assessjar, interventi fuq perjodu qasir u/jew twil skont il-ħtieġa, filwaqt li jaħdem b’approċċ multidixxiplinari ma’ professjonisti oħra ġewwa u lil hinn l-Aġenzija.
It-tim għandu l-għan li jippromwovi r-rikonoxximent, l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tal-persuna b’diżabilità bħala membru sħiħ tas-soċjetà u tal-komunitajiet li tagħmel parti minnhom. F’konformità mal-approċċ ħolistiku u ffukat tal-Aġenzija fuq il-persuna, it-tim tal-Ħidma Soċjali joffri servizzi ta’ sapport personalizzati li jgħinu u jsaħħu l-pożizzjoni ta’ persuni b’diżabilità biex jirrikonoxxu l-ħiliet tagħhom, iwettqu l-viżjoni tagħhom u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. It-tim jagħmel ħiltu biex jippromwovi u jirrispetta l-inklużjoni fil-komunità, peress li dan joffri komunità varja. Dan jiżgura wkoll li kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet biex jipparteċipa f’kull aspett tal-ħajja bl-aħjar kapaċitajiet u xewqiet tagħhom.
It-tim tal-Ħidma Soċjali għandu diversi rwoli biex jassisti lill-klijenti. Dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati, għal dan li ġej:
- Koordinazzjoni: Jissapportja lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawhom, u jikkoordina l-għoti tas-servizz b’mod formali u informali.
- Advocacy: Jipprovdi servizzi ta’ advocacy flimkien ma’, jew f’isem, persuna b’diżabilità li d-drittijiet tagħha għal servizzi jew opportunitajiet jistgħu potenzjalment jew fir-realtà jiġu kompromessi. Dan is-servizz jinkludi li dawn il-persuni jiġu assistiti biex jipparteċipaw f’kull aspett tal-ħajja fil-komunità (edukazzjoni, xogħol, rikreazzjoni, dar, ħajja soċjali u aktar).
- Evalwazzjoni u Assessjar: Jipprovdi evalwazzjoni u assessjar fl-oqsma tal-involviment fil-komunità, tal-inklużjoni soċjali, tal-benesseri emozzjonali, tal-edukazzjoni u tax-xogħol, tal-mobilità u tal-aċċessibilità, tad-diffikultajiet fil-komunikazzjoni, tad-diffikultajiet fit-tagħlim u ta’ interventi terapewtiċi oħra.
- Interventi: Jippjana u jipprovdi interventi ibbażati fuq il-ħtiġijiet personali tal-persuna b’diżabilità riferuta.
- Reviżjoni: Iwettaq u/jew jipparteċipa f’reviżjonijiet regolari biex jiżgura l-għoti effettiv tas-servizz f’relazzjoni mal-klijenti tal-Aġenzija.
Minbarra l-interventi u l-assessjar fil-komunità, it-tim tal-Ħidma Soċjali ta’ Aġenzija Sapport jikkumplimenta s-servizzi l-oħra mogħtija mill-Aġenzija permezz tas-servizzi professjonali meħtieġa.
Agħfas fuq din il-ħolqa għall-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs) dwar dan is-servizz