Aktar investiment fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità – jibbenefikaw bosta atleti

Data tal-Istqarrija
13/06/2026
Numru tal-Istqarrija
PR261009
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Il-Ministru Julia Farrugia tinawgura proġett ta’ piċċ tal-boċċe fiċ-ċentru ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità f’Raħal Ġdid.

 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia inawgurat it-tielet piċċ tal-boċċe, din id-darba bħala parti miċ-ċentru għal matul il-jum għall-persuni b’diżabilità f’Raħal Ġdid.

 

Dan huwa t-tielet piċċ tat-tip tiegħu li għandha Aġenzija Sapport, fil-ħdax il-ċentru li topera – u li fihom jattendu mal-500 persuna b’diżabilità intellettwali. Ftit aktar minn 80 persuna b’diżabilità jitħarrġu fuq livell professjonali fid-dixxiplina tal-boċċe f’dawn l-istess ċentri b’kollaborazzjoni ma’ Special Olympics Malta.

 

Il-Ministru Farrugia faħħret l-impenn ta’ Aġenzija Sapport u anke Special Olympics Malta li permezz ta’ dan it-taħriġ, qed twassal biex aktar persuni b’diżabilità jagħrfu l-abbiltajiet tagħhom u saħansitra jużaw dak li tgħallmu barra mill-pajjiż.

 

Kompliet tgħid li fil-fatt tnejn mill-persuni li qed jitħarrġu fid-dixxiplina tal-Boċċe rrappreżentaw lil Malta din il-ġimgħa stess f’Abu Dhabi fejn qed isiru l-iSpecial Olympics UAE National Games 2026. Dawn huma Nevice Grech li rebħet midalja tad-deheb wara li ġiet fl-ewwel post u Nathalie Galea li ġiet it-tieni u għalhekk ħadet il-fidda f’isem Malta.

 

“Huma dawn l-istejjer ta’ suċċess li qegħdin niktbu b’investiment kontinwu fi proġetti bħal dak tal-piċċ tal-boċċe. Dan jgħin ukoll fil-kwalità ta’ ħajja tal-persuni li jagħmlu użu minn ċentri bħal dan, kif għamilna wkoll bil-ħolqien tal-ġnien multi-sensorjali Ġnien Zaylen,” qalet il-Ministru Farrugia.

 

Hija nnutat kif ix-xogħol fuq il-piċċ sar fl-aħħar xhur b’investiment ta’ €11,500.

 

“Dan il-proġett huwa parti minn pjan ħolistiku biex kull min jattendi wieħed miċ-ċentri tagħna jkollu l-isports bħala parti integrali mill-kurrikulu tal-ġurnata,” qalet il-Ministru Farrugia. Faħħret lil Aġenzija Sapport għall-investiment kontinwu f’faċilitajiet u programmi għall-persuni b’diżabilità li jkopru wkoll taħriġ minn coaches professjonali, grazzi għal ftehim ma’ Special Olympics Malta.

 

Minbarra dan, il-Ministru Farrugia nnutat ukoll kif Special Olympics Malta toffri taħriġ liċenzjat dwar il-Motor Activity Training Programme (MATP), programm sportiv intenzjonat għal persuni b’diżabilità li ma jistgħux jipparteċipaw f’taħriġ għal sports kompetittiv f’dixxiplini sportivi oħra.

 

Il-Ministru Julia Farrugia temmet tgħid li dan huwa investiment ukoll fil-komunitajiet, hekk kif kemm il-ġnien kif ukoll il-piċċ tal-boċċe f’Raħal Ġdid huma miftuħin għall-pubbliku f’ħinijiet speċifiċi, kuljum.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna spjega kif l-isport jingħata importanza kbira fil-programmi mwassal lill-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum. “L-investiment tal-Aġenzija f’dan is-settur fl-aħħar snin wassal sabiex ammont sostanzjali ta’ klijenti kellhom l-opportunità li jiskopru u jiżviluppaw l-abilitajiet tagħhom fl-isport, inkluż fid-dixxiplina tal-boċċe, b’riżultati pożittivi għalihom infushom u għal Malta.”

 

Melanie Magri – Direttur tal-Customer Support, Skemi u Servizzi għal Matul il-Jum ta’ Aġenzija Sapport – qalet li dawn l-inizjattivi u programmi speċifiċi għall-bżonnijiet ta’ kull persuna jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuna.

 

Min-naħa tagħha d-Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta Anna Calleja qalet li qed ikun ikkunsidrat li s-servizzi offruti jkunu estiżi bil-għan prinċipali li kulħadd ikun attiv u jagħti sehem akbar fis-soċjetà.

 

Il-faċilitajiet f’Raħal Ġdid immexxija minn Aġenzija Sapport jinkludi hub li fih jinkorpora: Ċentru ta’ matul il-jum għal adulti b’diżabilità mmexxi minn Aġenzija Sapport, ċentru ta’ volontarjat, post minn fejn is-Service Dogs Malta Foundation tista’ toffri servizz u l-ġnien multisensorjali Ġnien Zaylen b’kollaborazzjoni ma’ Project Green. Fiċ-ċentru jattendu 33 persuna b’diżabilità.

 

Intant matul il-jum tal-Ġimgħa fiċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid ukoll ġiet organizzata l-attività tal-Mini-Olympics b’diversi persuni b’diżabilità minn diversi ċentri ta’ matul il-jum kif ukoll impjegati tal-Aġenzija jipparteċipaw f’logħob tal-boċċe, football, basketball, MATP u tlielaq.

Skip to content