STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
Għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol fuq iċ-ċentru ġdid ta’ għajxien indipendenti fil-Fgura li ser ikun qed jitmexxa minn Aġenzija Sapport.
Żaret ix-xogħlijiet li jlaħħqu investiment ta’ aktar minn €100,000, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Dan il-proġett li għandu l-għan li joħloq ambjent modern, aċċessibbli u sigur għal persuni b’diżabilità mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena. Ir-residenza se tilqa’ tliet persuni b’diżabilità, inkluż persuna li diġà kienet tgħix hemm qabel ir-rinovazzjoni u l-ħabiba tagħha, kif ukoll persuna oħra li bħalissa tgħix f’residenza oħra iżda se tingħata l-opportunità li tgħix b’mod aktar indipendenti.
Mit-tliet individwi, waħda diġà tinsab f’impjieg, oħra tattendi ċentru ta’ matul il-jum, u t-tielet qed issegwi taħriġ biex issib impjieg. Aġenzija Sapport qed taħdem fuq pjanijiet individwalizzati għall-inklużjoni tagħhom f’għajxien indipendenti, bl-involviment dirett tal-persuni b’diżabilità fl-għażliet tal-għamara, il-kuluri, u l-istruttura tad-dar, filwaqt li jirċievu wkoll appoġġ minn terapisti.
Waqt iż-żjara, il-ministru spjegat li dan il-gvern ser ikompli jagħmel l-investiment kollu meħtieġ biex ikompli jsaħħaħ l-inklużjoni f’kull livell. “Il-gvern se jkompli jinvesti fis-settur tad-diżabilità billi noħolqu soluzzjonijiet li jwieġbu għall-ħtiġijiet individwali ta’ kull persuna. Aħna nemmnu li kull individwu għandu d-dritt jgħix b’mod indipendenti u dinjituż, f’ambjent li mhux biss jappoġġja l-abbiltajiet tiegħu, iżda wkoll jagħtih l-opportunità li jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Il-ministru spjegat li, “Proġetti bħal dawn huma eżempju ċar ta’ kif nistgħu nibnu soċjetà aktar inklużiva, fejn kull persuna b’diżabilità mhix sempliċement riċevitur tas-servizzi, iżda parteċipant attiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jolqtu ħajjitha. L-impenn tagħna huwa li nkomplu naħdmu għal din il-viżjoni, b’investiment fit-tul li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.”
Ix-xogħlijiet ta’ rinovazzjoni jinkludu ż-żarmar tal-ispazju intern, l-installazzjoni ta’ madum ġdid fuq ġewwa u fuq barra, ir-rinovazzjoni ta’ żewġ kmamar tal-banju, it-tibdil fl-istruttura interna, xogħol ta’ dawl u ilma, kisi u żebgħa, installazzjoni ta’ arja kundizzjonata u aperturi ġodda flimkien ma’ għamara ġdida.
Oliver Scicluna semma kif din ir-rinovazzjoni fil-binja tal-Fgura hi parti mill-impenn ta’ Aġenzija Sapport li tiżviluppa ambjent modern u aċċessibbli għall-aħjar interess tal-persuni b’diżabilità. Saħaq ukoll kif f’dan il-proġett tħaddem biċ-ċar il-kunċett ta’ koproduzzjoni, fejn il-persuni li ser ikunu qegħdin jgħixu f’din ir-residenza, kienu u għadhom involuti fil-proġett, mix-xewqa li jgħixu f’dan il-post, fl-involviment fil-pjan u għażliet marbuta mar-rinnovazzjoni, kif ukoll parteċipi f’laqgħat mal-amministrazzjoni dwar il-proġett innifsu. Is-Sur Scicluna enfasizza li l-koproduzzjoni hi parti mill-istrateġija tal-Aġenzija u proġetti bħal dan ikomplu jwittu t-triq b’eżempju ċar fejn il-persuni b’diżabilità mhux biss jingħataw servizzi imma jkunu parteċipi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jimpattaw lilhom.

