Servizz ta’ tranżizzjoni speċjalizzat għal żgħażagħ b’diżabilità u sfidi ta’ saħħa mentali

Data tal-Istqarrija
07/04/2025
Numru tal-Istqarrija
PR250571
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Aġenzija Sapport ħabbret investiment ġdid fil-Balluta, fejn se jkun qed jitnieda servizz ta’ transizzjoni speċjalizzat għal żgħażagħ b’diżabilità intellettwali u diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Dan il-proġett se jgħin lil dawn iż-żgħażagħ jimxu minn ambjent kliniku għal wieħed komunitarju, fejn ikunu jistgħu jaċċessaw servizzi neċessarji u jersqu eqreb lejn ħajja indipendenti. Din il-ħidma hi parti mill-implimentazzjoni ta’ miżura tal-manifest elettorali b’impenn biex inwasslu aktar servizzi ġodda fil-komunità għal persuni b’diżabilità b’kollaborazzjoni mal-istess benefiċjarji tas-servizzi kif ukoll professjonisti u entitajiet oħra li jaħdmu fis-settur.

 

Dan l-investiment tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, waqt żjara li huma għamlu waqt ix-xogħlijiet.

 

Dan l-ispazju fil-Balluta se jservi biex is-servizzi jinfirxu f’aktar lokalitajiet u jilħqu bżonnijiet partikolari ta’ diversi persuni b’diżabilità. B’investiment ta’ aktar minn €90,000 għar-ristrutturar tal-binja, ix-xogħlijiet mistennija jitlestew fl-ewwel xhur tas-sena 2026.

 

Bħalissa, qed jiġu finalizzati l-bżonnijiet strutturali flimkien ma’ perit, biex jiġi assigurat li l-post joffri faċilitajiet aċċessibbli u li jkunu f’konformità mal-istandards meħtieġa u li jilħqu l-bżonnijiet partikolari tal-persuni li ser ikunu jibbenefikaw minn dan is-servizz. Il-binja se tinkludi tliet kmamar tas-sodda, kċina, bitħa u kmamar tal-banju, b’disinn li jippermetti ambjent komdu u adattat għall-bżonnijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ.

 

Fl-istess waqt, qed jiġu diskussi proċeduri ta’ xiri li ser jiġu adottati biex jiġi implimentat dan il-proġett b’mod effettiv. Il-post inizjalment se jilqa’ sitt żgħażagħ b’diżabilità, li ser ikollhom l-opportunità li jsegwu programm personalizzat ta’ transizzjoni. L-għan ewlieni hu li dawn iż-żgħażagħ jiksbu aktar ħiliet u jersqu pass eqreb lejn għajxien indipendenti fil-komunità.

 

Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif dan il-gvern ser ikompli jinvesti kemm hemm bżonn riżorsi fis-settur tad-diżabilità, għax huwa permezz ta’ dawn il-proġetti u l-inizjattivi illi dawn il-persuni jistgħu jimxu lejn ħajja iktar indipendenti u d-deistituzzjonalizzazzjoni, b’konformità ma’ Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. “Dan l-investiment huwa pass ieħor fil-katina ta’ servizzi li Aġenzija Sapport diġà qed toffri sabiex tkompli tissaħħaħ l-inklużjoni u l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità. Il-gvern jibqa’ impenjat li jkompli jinvesti f’dan is-settur, billi joħloq aktar spazji adattati u servizzi li jwieġbu għall-ħtiġijiet individwali ta’ dawn il-persuni. Dan il-proġett mhux biss jagħti opportunitajiet ġodda lil żgħażagħ b’diżabilità, iżda jikkonferma l-viżjoni tagħna ta’ soċjetà aktar ġusta u inklużiva.”

 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna spjega kif dan l-investiment se jagħmilha possibbli biex jiġi indirizzat bżonn ieħor fil-katina ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità, servizz li hu intenzjonat għal żgħażagħ b’diżabilità li fil-preżent għandhom bżonn akkomodazzjoni u programm li permezz tiegħu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità. Din l-enfasi fuq iż-żgħażagħ hi strumentali biex jingħataw servizzi speċjalizzati li jilħqu l-bżonnijiet varji tagħhom b’mod tranżitorju bil-kontribut ta’ diversi professjonisti minn oqsma varji, f’mixja lejn l-inklużjoni u għajxien indipendenti.

Skip to content