Proġetti tal-Azzjoni Ewlenija 2:
- Same Chance Employment – Il-Ħolqien ta’ Opportunitajiet ta’ Impjieg għal Persuni fuq l-Ispettru Wiesa’ tal-Awtiżmu
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li joħloq riżorsi ta’ taħriġ vokazzjonali li jindirizzaw ħtieġa identifikata sew kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f’pajjiżi individwali. B’mod speċjali, il-proġett jiffoka fuq l-indirizzar tad-distakk fl-impjiegi li jiffaċċjaw persuni b’diżabilità, b’enfasi partikolari fuq individwi fuq l-ispettru wiesa’ tal-awtiżmu.
Dan il-proġett jindirizza kwistjoni soċjali importanti li tibqa’ mhux aċċessibbli għal xi gruppi minħabba ostakli soċjali. Fost dawn il-gruppi hemm individwi b’diżabilità, li ħafna minnhom huma kklassifikati bħala NEET (Barra mill-Edukazzjoni, Impjieg, jew Taħriġ). Biex jingħelbu dawn l-isfidi, il-proġett se jiżviluppa riżorsi edukattivi speċjalizzati u faċli biex jinftiehmu mfassla kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati.
L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jiżdied l-għadd ta’ individwi fuq l-ispettru wiesa’ tal-awtiżmu – filwaqt li titqies kwalunkwe kundizzjoni relatata – li jiksbu impjieg sinifikanti u li jkunu jistgħu jżommu dawn l-impjiegi maż-żmien. Il-proġett juża bl-aħjar mod il-punti sodi u l-għarfien tas-sħab tiegħu biex joħloq programm immirat lejn l-espansjoni tal-opportunitajiet ta’ impjieg u t-titjib taż-żamma tal-impjiegi għal nies f’dan il-grupp.
Filwaqt li hu mfassal biex ikun modulari, infurmat minn partijiet interessati ewlenin, u sostenibbli, il-proġett ifittex li jnaqqas dan id-distakk b’mod effettiv. L-eżiti ewlenin tiegħu jinkludu l-ħolqien ta’ kontenut imfassal apposta għal min iħaddem, l-iżvilupp ta’ programm ta’ taħriġ għal min iħarreġ, u t-twaqqif ta’ pjattaforma ta’ tagħlim elettroniku.
- Beyond Disability
L-għan ta’ dan il-proġett hu li jgħaqqad l-esperjenza u l-għarfien espert minn madwar l-Ewropa sabiex jinħoloq programm ta’ taħriġ immirat lejn professjonisti (prinċipalment Psikologi, Psikoterapisti u Counsellors) biex ikunu iktar mħarrġa fuq il-kunċett ta’ diżabilità u dwar il-ħidma ma’ persuni b’abilitajiet differenti. Is-sieħba ta’ dan il-proġett jikkonsistu minn Aġenzija Sapport bħala l-applikant, Relate Ability Centre f’Irlanda u Igor Vitale International srl mill-Italja.
- Prattiċi Inklussivi fl-Edukazzjoni – The emergence of the European Forum of Inclusion Practitioners
Inizjattiva ffukata fuq l-aspett prattiku tal-inklużjoni, fejn skejjel, NGOs u entitajiet oħra jistgħu jikkollaboraw u jaqsmu l-aħjar prattiċi. Dan il-proġett se jagħti l-opportunità lill-professjonisti fi ħdan Aġenzija Sapport biex jikkollaboraw ma’ esperti fuq l-inklużjoni madwar l-Ewropa kif ukoll isaħħaħ ir-relazzjonijiet internazzjonali permezz tal-European Forum of the International Forums of Inclusion Practitioners (IFIP). Dan il-proġett hu mmexxi mill-Union of Consultants Scandinavia AB fl-Iżvezja u jinkludi numru ta’ msieħba Ewropej minn Malta, Spanja, l-Olanda, ir-Renju Unit u l-Ungerija b’esperjenza professjonali fit-tagħlim, speech therapy, fiżjoterapija, amministrazzjoni, tmexxija tal-iskola u NGO.
- It Starts with Me!
Dan il-proġett huwa sħubija strateġika bejn l-Iżvezja, Spanja, Malta, l-Italja, is-Slovenja u l-Greċja. L-għan tiegħu huwa li joħloq inklużjoni u solidarjetà u li jisfida ll-perċezzjonijiet tas-soċjetà, kif ukoll li joħloq spazju kreattiv għal ċittadinanza attiva u l-intraprenditorija soċjali billi jiżviluppa kwestjonarju interattiv online, għal aċċess aħjar għar-riċerka u l-attivitajiet li jinvolvu ż-żgħażagħ b’varjazzjonijiet funzjonali, għal aktar viżibilità miżjuda. L-iskop ewlieni ta’ dan il-proġett hu li jagħti aktar opportunità lil persuni b’varjazzjonijiet funzjonali biex jipparteċipaw fil-proċess kollu. F’dan ir-rigward, il-proġett se jinvolvi liż-żgħażagħ b’diżabilità (48 persuna, 8 kull pajjiż) matul il-proċess tal-proġett.
- Let’s talk about IT!
Il-proġett mfassal fuq il-kreazzzjoni ta’ taħriġ akkreditat sabiex jassisti professjonisti biex jipprovdu edukazzjoni sesswali lil persuni b’diżabilità. Il-proġett jinkludi msieħba mill-Italja, Greċja u Malta. L-organizzazzjonijiet għadhom jiltaqgħu ma’ mġiba preokkupanti relatata mas-sess. Għalhekk, għad m’hemmx biżżejjed edukazzjoni kemm fl-aspett tad-diżabilità kif ukoll f’dak tal-integrazzjoni. Jidher biċ-ċar ukoll li lokalment m’hemm l-ebda għarfien espert reali dwar kif wieħed għandu jittratta l-edukazzjoni sesswali speċifika għall-persuni b’diżabilità. Il-mekkaniżmi tas-sess u tal-esplorazzjoni sesswali jistgħu jkunu l-istess iżda r-realtajiet dwar il-mod tal-komunikazzjoni u l-metodoloġiji applikabbli huma verament differenti. Is-sħab magħżula min-naħa l-oħra, għal dan il-proġett, għandhom timijiet li huma professjonisti fil-qasam tal-psikoloġija, il-psikjatrija u s-sessoloġija jew li għandhom esperjenza diretta fil-ħidma mal-persuni b’diżabilità rigward l-edukazzjoni sesswali. L-importazzjoni ta’ dan l-għarfien espert hija essenzjali peress li dan mhuwiex disponibbli lokalment.
- Taħriġ Hybrid għal adulti żvantaġġati
L-għan ta’ dan il-proġett hu li jsib soluzzjonijiet ta’ taħriġ hybrid għal adulti żvantaġġati inkluż immigranti, anzjani u persuni b’diżabilità. Il-proġett hu immexxi minn OU Vestifex, fl-Estonja, kif ukoll seba’ msieħba Ewropej. F’dan il-proġett, l-irwol prinċipali ta’ Aġenzija Sapport hu l-kreazzjoni ta’ għodda hybrid sabiex isservi bħala riżorsa diġitali għat-taħriġ tal-adulti. Aġenzija Sapport ser tospita l-imsieħba għal żjara edukattiva ta’ ġimgħa u hi responsabbli għall-evalwazzjoni tal-proġett.
Proġett tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà
Dan hu Proġett tal-Volontarjat fl-Unjoni Ewropa li permezz tiegħu Aġenzija Sapport tista’ tospita żewġ voluntiera Ewropej għal perjodu ta’ sena sabiex jassistu fis-servizzi li toffri. Il-proġett hu mmexxi mis-servizz ta’ Sharing Lives fi ħdan Aġenzija Sapport, u għalhekk, il-voluntiera ser ikunu qed jingħaqdu u jaħdmu mat-tim ta’ Sharing Lives bil-potenzjal li jestendu l-operat tagħhom.
Agħfas din il-ħolqa għal aktar informazzjoni dwar voluntiera ta’ Sharing Lives mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà