STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
L-Aġenzija Sapport qed tmexxi ‘l quddiem l-investiment tal-Gvern b’rabta mal-assistenza personali għall-persuni b’diżabilità. Dan qalitu l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt serata li ċċelebrat l-20 sena ta’ ħidma ta’ Aġenzija Sapport, l-aġenzija nazzjonali għall-persuni b’diżabilità f’Malta. “Dan se jkun l-akbar investiment fl-awtonomija tal-persuni b’diżabilità li għandha twassal biex aktar persuni jibqgħu jgħixu fil-komunità minflok f’istituzzjonijiet,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli hi u tinnota ż-żieda fl-allokazzjoni ta’ din il-miżura minn €4.2 miljun din is-sena għal €5.2 miljun is-sena d-dieħla, kif tħabbar fil-Budget.
Fis-serata ġew rikonoxxuti l-ħaddiema li ilhom mal-Aġenzija sa mill-bidu tal-mixja tagħha. Rikonoxximenti oħra ġew ippreżentati lil rappreżentanti tat-timijiet kollha tal-Aġenzija bbażati fuq il-valuri uniċi li jiddistingwuhom, b’turija ta’ ringrazzjament lejn il-ħidma u dedikazzjoni tagħhom, li flimkien jagħtu tant sapport lil persuni b’diżabilità. Din is-serata mmarkat wkoll il-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità, li ser ikun qed jiġi ċelebrat il-Ħadd 3 ta’ Diċembru, jum sinonimu maċ-ċelebrazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Din il-mixja tal-Aġenzija għal dik li hi llum rat ħafna żviluppi – kemm permezz ta’ servizzi u programmi ġodda, iżda wkoll karrieri fil-qasam tad-diżabilità u wkoll progress fl-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-komunità u tisħiħ fid-drittijiet tagħhom. Aġenzija Sapport taf il-bidu tagħha minn Frar 2003, meta kienet toffri servizzi fil-komunità, servizzi residenzjali u servizzi ta’ ħidma soċjali. Illum l-Aġenzija kibret għal aktar minn 620 impjegat u 17-il dipartiment ta’ servizzi u timijiet oħra ta’ sostenn fosthom servizzi ta’ sapport lill-familji, servizzi ta’ Occupational Therapy, għajnuna għal għajxien ta’ ħajja indipendenti minn persuni b’diżabilità fuq bażi residenzjali kif riflessa fi 11-il residenza, programmi ta’ tħejjija lil persuni b’diżabilità bi preparazzjoni biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol għal diversi skemi b’għajnuniet finanzjarji, proġetti tal-Unjoni Ewropea, servizzi amministrattivi u proġetti, fost oħrajn.
Il-Ministru Portelli rringrazzjat lill-ħaddiema kollha li servew f’din l-Aġenzija. “Kull ħaddiem fl-Aġenzija Sapport għandu rwol importanti fil-mixja li dan il-pajjiż għamel u qed ikompli jagħmel favur l-inklużjoni u l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità,” saħqet il-Ministru. Fl-indirizz tiegħu lejn l-impjegati preżenti għal din is-serata, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna rrimarka li waqt li x-xogħol fil-qasam tad-diżabilità hu sfida, dan hu xogħol indispensabbli u grazzi għall-ħidma tal-impjegati u voluntiera kollha bl-impenn professjonali u dedikat tagħhom, iwasslu servizz b’empatija, jagħtu vuċi lill-persuni b’diżabilità u jkunu ta’ sors ta’ gwida vitali għal kwalità ta’ ħajja aħjar b’dinjità u għajxien indipendenti.