STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
L-Aġenzija Sapport se tkun tista’ żżid is-servizzi tagħha lil persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom wara ftehim li ġie ffirmat mal-Awtorità tal-Artijiet biex binja f’Raħal Ġdid għaddiet formalment għand l-istess aġenzija.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi waqt żjara fuq il-post.
Dan is-sit, minn fejn fil-preżent Aġenzija Sapport qed twassal is-servizz permezz ta’ ċentru ta’ matul il-jum lil 37 persuna b’diżabilità, ser jinkludi wkoll aktar faċilitajiet fuq ġewwa u anke fuq barra. Għalhekk dan se jippermetti lill-Aġenzija biex ittejjeb il-provediment tas-servizzi mogħtija minn dan il-post bi programmi innovattivi bil-għan li jibbenefikaw aktar persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret li permezz ta’ dan il-ftehim, aktar persuni b’diżabilità se jkunu f’pożizzjoni li jirċievu aktar għajnuna. “L-għajnuna tant kruċjali li toffri Aġenzija Sapport se tkompli tkun estiża lil aktar persuni vulnerabbli. Dan il-gvern għandu għal qalbu l-iżvilupp ta’ persuni b’diżabilità u se jkompli jinvesti kemm hemm bżonn riżorsi biex dawn jibqgħu sostnuti b’kull għajnuna li hemm bżonn,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-Awtorità tal-Artijiet, hekk kif diġà qed isir ma’ diversi kunsilli lokali, qed tkun ta’ spalla għal Aġenzija Sapport. “Permezz ta’ ftehim bħal dan, aktar binjiet u artijiet pubbliċi qed jiġu utilizzati għall-benefiċċju tal-komunitajiet tagħna fejn jiġu offruti diversi servizzi li joffri l-Gvern, bħal f’dan il-każ lill-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, irrefera għal dan il-ftehim bħala investiment ieħor mhux biss għall-Aġenzija imma wkoll għal dawk li qed jagħmlu jew ser jagħmlu użu mill-faċilitajiet. “Dan hu pass ieħor fil-mixja tal-Aġenzija fl-impenn tagħha biex issaħħaħ is-servizzi fil-komunità, tagħmilhom aktar aċċessibbli, waqt li tassigura li s-servizzi jingħataw f’ambjent modern u li jippermetti l-użu tiegħu mill-komunità,” tenna s-Sur Scicluna, filwaqt li rringrazzja lill-organizzazzjoni volontarja PHRF li mexxiet dan il-post tul is-snin. Huwa żied jgħid li l-Aġenzija se tkun qed testendi wkoll is-sostenn u l-kollaborazzjoni tagħha lil għaqdiet volontarji oħra li jaħdmu fis-settur sabiex dan is-sit ikun utli għas-settur kollu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, irrikonoxxa li l-Awtorità għal darba oħra qiegħda tagħmel l-almu tagħha sabiex binjiet li jistgħu jintużaw b’mod aħjar jgħaddu għand entitajiet governattivi bil-għan li jiżviluppaw proġetti siewja għall-ġid tal-komunità. “Permezz ta’ ftehim bħal dan, qegħdin niżguraw li l-assi tal-Gvern amministrati mill-istess awtorità jingħataw valur u fl-istess ħin jagħtu spazju lill-entitajiet pubbliċi sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kirjiet,” temm jgħid is-Sur Vella.