Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Aġenzija Sapport

Data tal-Istqarrija
05/06/2024
Numru tal-Istqarrija
PR241002

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Aktar minn 600 ħaddiem fi ħdan Aġenzija Sapport ser ikunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid li ġie ffirmat bejn l-aġenzija u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM).

 

Il-ftehim kollettiv, li jkopri perjodu ta’ sitt snin, ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.

 

Il-ftehim kollettiv ġdid, li ġie maqbul flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema stess, issa jinkludi gradi u skali li ġew ristrutturati sabiex jirriflettu responsabbiltajiet li żviluppaw matul is-snin. Għall-ewwel darba wkoll, ġiet introdotta allowance speċifika għall-ħidma f’Aġenzija Sapport, intenzjonata sabiex tgħin lill-aġenzija tattira ħaddiema ġodda waqt li żżid il-probabbiltà li żżomm il-ħaddiema preżenti. Aktar enfasi qed tingħata wkoll lit-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-ħaddiema kollha, b’mod partikolari dawk li jaħdmu direttament mal-persuni b’diżabilità. B’hekk, permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, l-aġenzija tista’ toffri pjan ta’ karriera lil Support Workers li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-abilitajiet tagħhom u wkoll dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw f’karriera fit-tmexxija tas-servizzi.

 

Gradi fi rwoli amministrattivi bħal finanzi, procurement u riżorsi umani, ġew rikonoxxuti wkoll f’dan il-ftehim kollettiv u jipprovdilhom opportunitajiet ta’ żvilupp fil-karriera skont l-esperjenza u għarfien tas-settur li jiksbu waqt il-ħidma tagħhom fl-Aġenzija.

 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fissret kif perezz tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv, qed tkun implimentata wegħda elettorali oħra. “Lura għall-manifest tal-2022, wegħdna li se nkunu qed intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema fis-settur tad-diżabilità. L-iffirmar tal-lum jirrifletti dan l-impenn hekk kif fl-aħħar ġimgħat sensiela ta’ negozjati wasslu għal qbil bejn il-Gvern u l-unjin. Inħares
‘il quddiem li mhux biss nara l-impjegati preżenti jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar, iżda li permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, inkunu f’pożizzjoni li nattiraw aktar ħaddiema lejn dan is-settur li mhux biss joffri sodisfazzjon fuq livell personali, iżda huwa wieħed ta’ fejda għas-soċjetà b’mod ġenerali,” temmet tgħid il-Ministru.

 

Il-Kap Eżektuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna enfasizza kif il-ħaddiema tal-Aġenzija li ser ikunu qed jibbenefikaw minn dan il-ftehim kollettiv, għandhom rwol importanti biex l-Aġenzija tkun tista’ twassal servizzi ta’ kwalità u skont l-istandards mistennija u prattiċi fuq livell internazzjonali. Dan il-ftehim juri wkoll li s-settur tad-diżabilità qed jingħata l-importanza li tixraqlu.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella laqa’ dan il-ftehim li se jgħin direttament lil madwar 600 ħaddiem u professjonisti li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità. “Dan il-ftehim għandu jissarraf f’servizz ta’ eċċellenza lil dawn il-persuni li huma l-klijenti tal-aġenzija. Fl-istess ħin il-ftehim iwieġeb għat-tibdil fid-dinja tax-xogħol u għandu jgħin biex aktar żgħażagħ ikunu attirati biex jibdew karriera f’dan il-qasam.”

 

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana, flimkien mas-Segretarju Permanenti Joyce Cassar mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards).

Skip to content