STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA, U L-INNOVAZZJONI, MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, l-Aġenzija Sapport u Voice for Inclusion Association Gozo, se jwassal biex ikun hemm tisħiħ tas-servizz mogħti lill-istudenti b’diżabilità fix-xhur tas-sajf f’Għawdex.
Dettalji dwar il-ftehim ingħataw waqt żjara li l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli għamlu fis-Sannat Special Unit.
Dan il-Unit huwa parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex, li fih ilu jingħata servizz ta’ SkolaSajf mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi għal dawn l-aħħar snin. Sa issa f’Għawdex kienu qed jiġu offruti fl-istess ħin żewġ servizzi għal studenti b’diżabilità, servizz minnhom mill-FES minn Sannat Unit u servizz ieħor li huwa ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex u minn Agenzija Sapport, u mħaddem minn Voice for Inclusion Gozo.
“Permezz ta’ dan il-ftehim dawn iż-żewġ servizzi se jingħaqdu f’servizz wieħed u b’hekk se jingħaqdu r-riżorsi biex nagħtu l-aħjar esperjenza lill-istudent – dan se jsir għaliex se nagħmlu użu massimu tar-riżorsi. Dan is-servizz għandu jservi wkoll bħala mudell ta’ kollaborazzjoni eċċellenti bejn entitajiet differenti tal-gvern,” qal il-Ministru Clifton Grima waqt iż-żjara.
L-iskola tas-Sannat hija ta’ eżempju ta’ xi tfisser il-vera inklużjoni fl-edukazzjoni. Dan isir b’dedikazzjoni li tintwera mill-edukaturi ma’ studenti li għandhom diffikultajiet ta’ tagħlim, biex dawn iħossuhom fuq l-istess livell ta’ studenti oħra.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Għat-tielet sena konsekuttiva qed noffru dan is-servizz sabiex tfal b’diżabilità f’Għawdex jibqgħu jiżviluppaw u jkollhom iċ-ċans jattendu SkolaSajf bħal tfal oħra.” Huwa temm billi rringrazzja lill-ministri kkonċernati li fehmu l-bżonn ta’ programmi bħal dawn f’Għawdex sabiex it-tfal verament ikunu meqjusin l-istess.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet il-ftehim bħala ħolqa minn katina ta’ inizjattivi maħsubin biex persuni b’diżabilità jitwasslu għal aktar inklużjoni fil-komunità. “Kull persuna, hi x’inhi l-età u hi x’inhi l-abilità tagħha għandha tingħata kull għajnuna biex jiżdiedu l-opportunitajiet għaliha. Dan il-ftehim ikompli jibni fuq il-ħidma b’saħħitha li saret f’dawn l-aħħar snin mal-NGO Voice For Inclusion f’Għawdex u juri l-fiduċja li għandu l-Gvern fl-għaqdiet volontarji,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Din is-sena SkolaSajf se jingħata mill-iskejjel primarji tal-istat u minn 5 resource centres madwar Malta u Għawdex bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. Is-servizz jibda mit-12 ta’ Lulju sal-11 ta’ Awwissu u mill-21 ta’ Awwissu sas-7 ta’ Settembru. Filwaqt li l-ħinijiet ta’ SkolaSajf huma bejn it-8:30 ta’ filgħodu san-nofsiegħa, servizz estiż għall-ġenituri li jaħdmu se jingħata f’ċentri magħżula mis-7:00 sat-8:30 ta’ filgħodu u min-nofsiegħa sal-17:30 ta’ waranofsinhar.