STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Persuni b’diżabilità issa jistgħu japplikaw għall-Karta Ewropea tad-Diżabilità ma’ Aġenzija Sapport. B’mod immedjat, dan id-dokument ser ikun qed jinħareġ minn Aġenzija Sapport wara li fil-ġranet li għaddew sar it-trasferiment tal-proċess mill-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità (CRPD) lejn l-Aġenzija.
Permezz ta’ dan it-trasferiment, ġie konkluż il-proċess ta’ trasferiment tas-servizzi għal persuni b’diżabilità lejn l-aġenzija biex b’hekk Aġenzija Sapport issa tista’ toffri servizz komplut lill-persuni b’diżabilità. Dan il-proċess jgħin ukoll sabiex ikun hemm aktar ċentralizzazzjoni tas-servizzi u persuni b’diżabilità ma jkollhomx għalfejn jirrikorru lejn entitajiet differenti sabiex jinqdew.
Il-Karta Ewropea tad-Diżabilità hi dokument li permezz tiegħu, persuni b’diżabilità jistgħu japplikaw għal diversi servizzi u benefiċċji.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Volontarjat u Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli fissret kif dan hu parti mit-twettiq ta’ dak imħabbar ftit tal-jiem ilu fil-Budget. B’dan il-mod, issa l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tista’ tiffoka l-enerġija tagħha fuq l-aspett ta’ infurzar.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif dan id-dokument, li joffri numru ta’ benefiċċji, bħal tqabbiż fil-kju għal min għandu diżabilità u numru ta’ roħs minn ħwienet, ġie introdott f’Malta fl-2015 meta flimkien ma’ seba’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea pparteċipat fi proġett pilota sabiex tintroduċi dokument li wieħed jista’ juża anke meta jkun qed iżur wieħed mill-pajjiżi parteċipanti. Dawn jinkludu l-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja, is-Slovenja u r-Rumanija.
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, saħaq li dan il-proċess mhux biss ser ikun qed jgħin fl-aċċessibilità tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità iżda wkoll ser ikun qed isaħħaħ il-firxa ta’ servizzi li toffri l-Aġenzija waqt li jsaħħaħ l-operat tal-professjonisti fi ħdanha. Dan id-dokument hu neċessarju sabiex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw ħafna mis-servizzi u skemi li toffri l-Aġenzija u għalhekk issa ser ikun aktar komdu li wieħed jżur l-Aġenzija u jinqeda b’mod sħiħ.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Rhoda Garland qalet illi permezz ta’ dan it-trasferiment, il-Kummissjoni se tkun tista’ tikkonċentra aktar fuq ir-rwol tagħha ta’ regolatur tas-settur tad-diżabilità; speċifikament li tindirizza każijiet fejn persuni b’diżabilità jsofru minn diskriminazzjoni u li tqajjem aktar għarfien dwar id-diżabilità sabiex aktar tkompli tikber l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà Maltija. Hija żiedet illi l-Kummissjoni se tkompli taħdem fil-qrib mal-Aġenzija Sapport fuq diversi aspetti, fosthom permezz tat-Taqsima tal-Infurzar fuq investigazzjonijiet marbuta ma’ allegat abbuż tal-Blue Badge.
Wieħed jista’ japplika għal dokument ġdid jew jagħmel talba sabiex iġedded id-dokument billi jżur is-sit www.eudisabilitycard.org.mt u jissottometti applikazzjoni online. Għal aktar informazzjoni dwar x’dokumenti għandu bżonn sabiex wieħed japplika kif ukoll dwar il-kriterji ta’ eliġibilità għal dan id-dokument, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Helpline tal-Aġenzija fuq Freephone 153 (tagħfas in-numru 5). Wieħed jista’ wkoll jikkuntattja lill-Aġenzija permezz ta’ email fuq accessibility.sapport@gov.mt.