STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Aġenzija Sapport u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta komplew isaħħu r-relazzjoni ta’ bejniethom permezz ta’ Memorandum ta’ Ftehim.
Dan il-ftehim se jkun qed ifisser li Aġenzija Sapport se tkompli tibbenefika minn studji xjentifiċi li tagħmel l-istess Fakultà fis-settur tad-diżabilità. Kif ukoll, permezz tal-ftehim żgħażagħ li jattendu l-Università ta’ Malta u li qed jistudjaw f’wieħed mill-korsijiet ipprovduti mill-imsemmija Fakultà se jingħataw numru ta’ sigħat f’opportunità ta’ xogħol mal-Aġenzija Sapport.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-kollaborazzjoni bejn l-Università u l-Aġenzija Sapport diġà wasslet biex, permezz tal-MoU preċedenti, 13-il student ingħataw esperjenza ta’ xogħol mal-Aġenzija Sapport, fost dawn, Nicole Tabone li llum hi social worker full-time mal-Aġenzija Sapport. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ studji xjentifiċi wasslu u se jkomplu jwasslu biex isiru avvanzi fis-settur tad-diżabilità.
“B’dan il-mod, il-programmi li noffru permezz tal-Aġenzija Sapport ikunu mfassla speċifikament li jindirizzaw il-bżonnijiet partikolari tal-persuni b’diżabilità u nsaħħu l-impenn tal-gvern li dawn il-persuni jkunu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li nieħdu,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li l-istudenti jkollhom esperjenza fuq post tax-xogħol biex jikkumplimenta l-istudju tagħhom. “Dan huwa parti importanti mit-taħriġ li jieħdu l-istudenti għaliex huwa pass ieħor ħalli jkollhom esperjenza ta’ edukazzjoni sħiħa marbuta mal-edukazzjoni tagħhom”, qal il-Ministru Grima.
Huwa kompla li permezz tat-tiġdid ta’ dan il-ftehim, se jibbenefikaw iż-żewġ partijiet, għaliex permezz tiegħu wkoll, se jkun hemm it-tkattir tal-kollaborazzjoni dwar riċerka f’qasam tant importanti għal pajjiżna, għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna irringrazzja lill-Università li għal darb’oħra laqgħu l-kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Sapport u li jkomplu jemmnu bis-sħiħ fl-iżvilupp u sostenn tas-settur tad-diżabilità. “Grazzi għal din il-kollaborazzjoni, Aġenzija Sapport qed tkompli tibbenefika minn studji xjentifiċi li jagħtu stampa aħjar u informazzjoni lokali li l-Aġenzija ssib utli ferm għall-iżvilupp ta’ servizzi u programmi għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità. Dan il-ftehim hu importanti wkoll għax joffri opportunità lill-istudenti tal-istess Fakultà sabiex iwettqu l-pjazzamenti tagħhom,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv.
Ir-Rettur tal-Università Prof. Alfred J. Vella enfasizza li l-Università hija dejjem kuntenta li tidħol f’inizjattivi bħal dawn li fihom il-membri kollha tas-soċjetà jħossuhom milqugħa u ugwali. Żied jgħid li dan se jkompli jissaħħaħ permezz ta’ dan il-ftehim kollaborattiv li wieħed jittama li jara aktar opportunitajiet jiżviluppaw permezz tad-diversi programmi flimkien mal-Aġenzija Sapport.
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Prof Andrew Azzopardi qal li l-Aġenzija Sapport hija minn ta’ quddiem biex tipprovdi servizzi għall-persuni b’diżabilità u l-familja tagħhom. “Fix-xogħol tagħhom, l-Aġenzija Sapport japprezzaw l-inklużjoni u l-iżvilupp tal-komunità, żewġ kwistjonijiet li aħna bħala Fakultà naqsmu wkoll,” spjega Prof Azzopardi u tenna li dan il-ftehim ikompli jibni fuq ir-relazzjoni li twaqqfu matul is-snin u permezz tad-dejta tal-Fakultà bbażata fuq l-evidenza jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet għal qasam kumpless ħafna.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Nancy Caruana u l-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità Dr Maria Victoria Gauci.