Imtella’ Festa tal-Inklużjoni: jum ta’ attivitajiet għall-familja li jiċċelebra l-inklużjoni u d-diversità

Data tal-Istqarrija
03/05/2026
Numru tal-Istqarrija
PR260773
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Trasferiment ta’ binja fi ħdan il-hub ta’ Raħal Ġdid li minnha s-Service Dogs Malta Foundation se tibda topera.

 

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Sapport u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), flimkien ma’ diversi għaqdiet volontarji, organizza “Festa Inklużjoni”, attività speċjali mfassla għall-familja kollha li ppromoviet l-inklużjoni permezz ta’ esperjenzi varji u divertenti.

 

L-avveniment sar nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju fiċ-Ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f’Raħal Ġdid, u beda mid-9:30 ta’ filgħodu ’l quddiem. Matul il-ġurnata, dawk li attendew kellhom l-opportunità jipparteċipaw f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet adattati għal kulħadd.

 

Fost l-attivitajiet ippjanati kien hemm face painting, logħob għat-tfal, wheelchair basketball, frame football, kif ukoll sessjonijiet ta’ gardening li inkludew planting u potting immexxija mill-membri ta’ Aġenzija Sapport. Barra minn hekk, occupational therapist mexxa attivitajiet sensorjali mfassla biex joffru esperjenza inklużiva u sensorjali.

 

Apparti hekk, dawk li attendew kellhom l-opportunità jżuru diversi stands u jipparteċipaw f’attivitajiet interattivi u edukattivi maħsuba għal kull età. Fost l-istands kien hemm Karibu bil-bejgħ ta’ xemgħat għal Jum l-Omm, l-Autism Parents Association b’materjal u informazzjoni dwar il-kawża u l-għaqda tagħhom, Kreazzjoni bi prodotti magħmula bl-idejn, kif ukoll Service Dogs Malta Foundation bi stand informattiv biex tippromwovi l-ħidma tagħha. L-attivitajiet inkludew sessjoni dwar tekniki bażiċi tal-fotografija minn Don Bosco, frame football minn Frame Football Malta, dimostrazzjonijiet minn K9 Search and Rescue, rowing u bocce minn Paralympic Malta, dimostrazzjonijiet ta’ first aid minn St John, kif ukoll żona ddedikata għal jet ski u water rescue mill-Red Cross.

 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia sostniet li inizjattivi bħal “Festa Inklużjoni” huma eżempju ċar ta’ kif il-komunità tista’ tingħaqad biex tiċċelebra d-diversità u ssaħħaħ il-valuri tal-inklużjoni. Hija enfasizzat li dan l-avveniment mhux biss offra spazju ta’ divertiment għall-familja kollha, iżda wkoll opportunità biex jitkompla jissaħħaħ l-għarfien dwar il-ħtieġa ta’ soċjetà aktar aċċessibbli u parteċipattiva.

 

Fl-istess kuntest, il-ministru ħabbret li, b’kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u s-Service Dogs Malta Foundation, se jinfetaħ spazju dedikat fi ħdan il-hub ta’ Raħal Ġdid li minnu l-fondazzjoni tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi tagħha. Dan l-investiment ta’ €15,000 f’xogħol strutturali kien se jservi bħala bażi importanti biex jissaħħu servizzi relatati ma’ għajxien indipendenti u taħriġ ta’ klieb gwida.

 

“Dan huwa pass konkret ieħor lejn soċjetà aktar inklussiva fejn ninvestu mhux biss fl-infrastruttura iżda wkoll fis-servizzi li jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, qed inkomplu nsaħħu l-appoġġ fil-komunità u nespandu l-opportunitajiet għal persuni b’diżabilità biex jgħixu b’mod aktar indipendenti u attiv fis-soċjetà,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.

 

L-attività kienet miftuħa għal kulħadd u offriet opportunità unika biex il-pubbliku japprezza u jappoġġja inizjattivi li jippromwovu soċjetà aktar inklussiva.

Skip to content