STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Waqt żjara fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità f’Raħal Ġdid, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret li madwar 100 kamera tas-sigurtà se jiġu installati f’seba’ residenzi u seba’ ċentri ta’ matul il-jum.
Dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ €75,000, se jkompli jsaħħaħ il-mezzi ta’ sigurtà fil-binjiet diversi ta’ Aġenzija Sapport għall-benefiċċju tal-klijenti, l-impjegati u l-viżitaturi.
Waqt iż-żjara, ġie spjegat li fiċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid, Aġenzija Sapport bħalissa qed tospita xejn inqas minn 52 persuna b’diżabilità. Dan iċ-ċentru jorganizza diversi attivitajiet maħsuba biex jgħinu u jnisslu sens akbar ta’ inklużjoni u ħarsien, kif ukoll fil-kisba ta’ għajxien indipendenti fil-komunità. L-attivitajiet jinkludu ħarġiet fil-komunità; sessjonijiet dwar l-użu tal-kompjuter u sessjonijiet edukattivi; sessjonijiet tal-MATP (Motor Activity Training Programme); logħob tal-boċċi; u programmi ta’ għajxien indipendenti; fost oħrajn.
Il-Ministru Farrugia Portelli, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, għamlet referenza wkoll għat-tema ta’ din is-sena ‘DigitALL: Innovation and technology for gender equality’. Hija tenniet li Aġenzija Sapport se tkompli tinvesti fil-provvista ta’ faċilitajiet teknoloġiċi moderni u aċċessibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u jkattru l-għajxien indipendenti għal persuni b’diżabilità. Il-ministru rringrazzjat lill-ħaddiema kollha fi ħdan l-Aġenzija Sapport li timpjega magħha 630 ħaddiem li 75% minnhom, jiġifieri 476 impjegat, huma nisa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna għamel referenza għall-importanza ta’ inklużjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità, f’kull aspett tas-soċjetà. Huwa tenna li l-programmi tal-aġenzija huma mħejjija bil-għan li persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal tagħhom u jakkwistaw ħiliet ġodda. “Żjarat bħal dawn iqajmu aktar kuxjenza dwar il-ħiliet u l-potenzjal tal-klijenti u jkunu ta’ eżempju u inkoraġġiment għal nies oħra b’diżabilità waqt li juru l-ħidma siewja u dedikata tal-impjegati li jmexxu dawn il-programmi personalizzati,” tenna s-Sur Scicluna.