STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Grupp ta’ 11-il persuna, seba’ rġiel u erba’ nisa, li l-età tagħhom tvarja minn 17 sa 44 sena, huma l-ewwel grupp ta’ persuni b’diżabilità li temmew b’suċċess programm ta’ taħriġ offrut mis-servizz Way to Work fi ħdan Aġenzija Sapport. It-tqassim taċ-ċertifikati lill-parteċipanti sar mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.
Wara s-suċċess ta’ dan l-ewwel grupp, Aġenzija Sapport ħabbret ukoll li l-programm Way to Work ser ikun qed jiġi offrut f’Għawdex, għall-persuni b’diżabilità Għawdxin.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fakkret li din hi wegħda elettorali u tappa oħra fil-mixja ta’ persuni b’diżabilità lejn titjib fil-kwalità ta’ ħajjithom. Dan għax programm bħal dan iqarribhom aktar lejn id-dinja tax-xogħol.
“Ix-xogħol isaħħaħ id-dinjità tal-persuna konċernata għaliex jirrendi indipendenza lill-individwu konċernat. Qegħdin inkomplu l-ħidma tagħna biex nillimitaw kemm nistgħu l-iżvantaġġ li persuna jista’ jkollha biex tidħol fid-dinja tax-xogħol. Is-servizz Way to Work huwa biss ħolqa f’katina ta’ servizzi u inizjattivi li ħadna u se nkomplu nieħdu biex nassiguraw li jkun implimentat il-prinċipju li kulħadd, irrelevanti mill-abbiltà tiegħu, għandu dritt għax-xogħol,” saħqet il-Ministru Farrugia Portelli.
Hija temmet tgħid li l-Gvern se jkompli jieħu inizjattivi biex jinkoraġġixxi kemm lil min iħaddem kif ukoll lil persuni b’diżabilità, biex jitwarrab il-preġudizzju li jista’ jkun hemm fejn jirrigwarda xogħol lil persuni b’diżabilità.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna saħaq fuq l-importanza ta’ taħriġ bħal dan għax ikompli jsaħħaħ l-abbiltajiet ta’ persuni b’diżabilità u jwassalhom sabiex ikunu iktar indipendenti. “Dan it-taħriġ ikompli jibni fuq is-suċċessi tal-proġett INK u nkomplu naraw interess minn persuni b’diżabilità li jagħmlu sforz attiv sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Ix-xogħol mhux biss jagħti dinjità lill-persuni b’diżabilità imma jagħtihom ukoll l-għodda sabiex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu fil-komunità b’mod indipendenti,” tenna s-Sur Scicluna.
Matul din l-attività tkellmet ukoll Shianne Borg, waħda mill-parteċipanti ta’ Way to Work li temmet b’suċċess it-taħriġ tagħha. Hija qasmet l-esperjenza tagħha fejn iddeskrivietha bħala waħda pożittiva u li grazzi għal din l-esperjenza saħħet l-abbiltajiet tagħha, speċjalment permezz tas-sessjonijiet prattiċi u żjarat fuq postijiet differenti fuq il-post tax-xogħol. Hija għalqet b’messaġġ ta’ inkoraġġiment lejn oħrajn sabiex jidħlu għal din l-esperjenza li twassalhom għal aktar opportunitajiet.
Il-programm ta’ taħriġ sar bejn Ottubru 2022 u Marzu li għadda. Is-sessjonijiet ta’ taħriġ kienu jinkludu, fost oħrajn, id-dinamika bejn kollegi, etika fuq il-post tax-xogħol, immaniġġjar tal-flus, l-ewwel għajnuna, food handling, preparazzjoni għax-xogħol u l-użu tat-teknoloġija. Il-pass li jmiss għal dan il-grupp huwa t-tfittxija għal impjieg permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Lino Spiteri u bl-assistenza tal-Job Coach tagħhom mis-servizz Way to Work.