L-anzjani u l-persuni b’diżabilità fiċ-ċentru ta’ ftehim ġdid iffirmat bejn l-Aġenzija Sapport u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità

Data tal-Istqarrija
29/04/2024
Numru tal-Istqarrija
PR240726

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA

 

Fil-mixja lejn aktar sostenn lill-persuni b’diżabilità, l-Aġenzija Sapport u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ffirmaw ftehim li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet għall-benefiċċju ta’ anzjani u persuni b’diżabilità.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.

 

Dan il-ftehim, li jkopri medda ta’ tliet snin, ser iwassal biex id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità joffri servizzi lill-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport, liema servizzi ser jinkludu servizzi mill-infermiera u carers tal-Commcare, fiżjoterapija, servizzi ta’ podjatrija u occupational therapy. Dan ukoll apparti kollaborazzjoni sabiex persuni b’diżabilità li huma residenti fi djar tal-anzjani jingħataw servizz u sapport konġunt.

 

Dan il-ftehim ser ikun qed iwitti t-triq ukoll għal aktar kollaborazzjoni bejn professjonisti taż-żewġ entitajiet sabiex ikun assigurat li persuni b’diżabilità jiġu riferuti lejn servizzi fil-komunità u li jkollhom aċċess u sostenn mid-dipartimenti rispettivi.

 

Apparti minn hekk, persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u li għadhom jgħixu fil-komunità u li jiġu riferuti lejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, jistgħu jingħataw assistenza biex jixtru apparat assistiv li bħala servizz huwa provdut minn Aġenzija Sapport kif ukoll persuni b’diżabilità taħt is-60 sena jistgħu jibbenefikaw minn servizzi provduti mid-Dipartiment, filwaqt li persuni b’diżabilità li jgħixu f’residenza tal-anzjani u huma taħt is-60 sena, se jkunu qed jingħataw is-sapport meħtieġ mill-professjonisti ta’ Aġenzija Sapport.

 

Ħidma oħra tinkludi proġetti ta’ riċerka kif ukoll taħriġ lill-professjonisti taż-żewġ entitajiet rispettivi.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif l-inklużjoni ma tibdiex u tispiċċa mad-diżabilità. “Li jkollna soċjetà inklużiva jfisser li kulħadd ikun jista’ jibqa’ attiv bl-aħjar mod li jista’ mingħajr xkiel. Dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal sħiħ tal-persuni b’diżabilità u l-anzjani tagħna. L-iffirmar ta’ dan il-ftehim se jiffaċilita l-proċess li permezz tiegħu dawn iż-żewġ demografiji tas-soċjetà tagħna jsibu s-sostenn meħtieġ f’qasir żmien u bl-aħjar mod possibbli,” temmet tgħid il-Ministru.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea qal, “Dan il-ftehim huwa pass fundamentali biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk l-anzjani li għandhom diżabilità. Huwa riflessjoni tal-impenn kontinwu tagħna li noħolqu soċjetà aktar inklużiva u attenta għall-bżonnijiet ta’ kull individwu. B’din il-kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, qed nippreżentaw mudell ta’ kura integrata li tistabbilixxi l-istandard għal servizzi ħolistiċi li jindirizzaw kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik soċjali.”

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna sostna li l-aġenzija qed tħares lejn dan il-ftehim bħala mezz kif tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u li dan ser iservi biex ikunu msaħħa programmi u inizjattivi bbażati fuq il-prinċipji ta’ anzjanità attiva u sapport lil persuni b’diżabilità, intenzjonati li jtejbu l-kwalità ta’ ħajja ta’ anzjani b’diżabilità. Permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ partijiet ser ikunu wkoll qed jiddiskutu kif jistgħu joħolqu proġetti u attivitajiet konġunti bl-involviment tal-klijenti tagħhom.

Skip to content