STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Post abbandunat u dilapidat, proprjetà tal-gvern fi triq ewlenija f’Ħad-Dingli, se jinbidel f’binja li se toffri servizzi ta’ respite lil persuni b’diżabilità. Is-sit se jiġi żviluppat f’residenza fuq żewġ sulari u fiha jkunu jistgħu joqogħdu, fl-istess ħin, erba’ persuni b’diżabilità.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett, b’investiment ta’ €1 miljun, mistenni jibda fl-ewwel kwart tas-sena li ġejja wara li għadhom kemm inħarġu l-permessi relatati mill-Awtorità tal-Ippjanar. L-investiment qed isir minn Aġenzija Sapport u huwa inizjattiva oħra tal-proġett Soċjetà Ġusta.
Dan il-proġett se jsir fuq talba speċifika tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, li kien hu li identifika l-post fejn se jsir. Dan il-proġett jikkumplimenta dak ta’ Dar Warda f’Pembroke, dar residenzjali oħra fil-komunità u li fiha saret żjara mill-Prim Ministru Robert Abela aktar kmieni din il-ġimgħa. Dawn id-djar fil-komunità qed joffru spazju u ambjent xieraq li jwasslu biex dawn il-persuni b’diżabilità jkomplu mixjin ‘il quddiem u jwettqu l-ħolm tagħhom.
Waqt żjara li għamlet fuq il-post, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet, “L-għan ta’ dan il-proġett hu li nkomplu nsaħħu l-provedimenti ta’ servizzi fil-komunità, speċjalment dawk ta’ sostenn lill-familji ta’ persuni b’diżabilità, kif ukoll dawk li jiffukaw fuq titjib ta’ kwalità ta’ ħajja u għajxien indipendenti. Persuni b’diżabilità li jibbenefikaw minn dan is-servizz ta’ respite se jkollhom l-opportunità li jgħaddu perjodu ta’ żmien f’ambjent modern, b’faċilitajiet aċċessibbli u skont l-livelli meħtieġa.”
Waqt din iż-żjara, is-Sindku Raymond Schembri u l-kunsilliera ġew aġġornati dwar il-proġett. Is-sindku saħaq li dan il-proġett se jkompli jagħmel lil-lokalità ta’ Ħad-Dingli aktar inklussiva.
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, akkumpanja lill-Ministru Julia Farrugia Portelli waqt iż-żjara fuq il-post u ddeskriva l-proġett bħala pass li jkompli juri l-enfasi u l-impenn tal-aġenzija lejn żvilupp ta’ aktar servizzi aċċessibbli fil-komunità. “Dawn is-servizzi mhux biss jirrispettaw id-dritt tal-persuna b’diżabilità li tingħata l-għajnuna fil-komunità iżda wkoll huma servizzi li jagħtu sostenn lill-familja immedjata. Il-proġett jimxi wkoll mal-pjan tal-aġenzija biex tkun implimentata l-istrateġija ta’ deistituzzjonalizzazzjoni,” sostna s-Sur Scicluna.
Is-sit fejn se jsir il-proġett jinsab f’Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) u se tinżamm il-faċċata eżistenti li se tiġi restawrata. Il-kmamar eżistenti wkoll se jiġu restawrati. Il-binja se tkun tikkonsisti minn erba’ kmamar tas-sodda u spazji individwali, spazju komuni, bitħa, terrazzin u faċilitajiet għall-impjegati. Qed ikun ippjanat li l-proġett jitmexxa b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet mhux governattivi.