STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT
Ġie mħabbar proċess ta’ simplifikazzjoni fl-applikazzjoni għall-iskema Empowerment immexxija mill-Aġenzija Sapport. Permezz ta’ din l-iskema, persuni b’diżabilità huma intitolati għal sussidju fuq xiri ta’ ċertu tagħmir u apparat assistiv. Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni huma:
- L-applikanti għandhom jippreżentaw stima waħda minflok tlieta għall-apparat assistiv, li jiswa bejn €400 u €3,000. Kwalunkwe oġġett jew apparat mixtri li jiswa bejn €100 u €300, jistgħu jinġabru flimkien biex jilħqu l-€400.
- Minflok rapport mediku, issa qed jiġi aċċettat ċertifikat mediku validu mit-tabib tal-applikant.
- Fil-każ ta’ talba għal sussidju fuq hearing aids, issa wieħed m’hemmx bżonn jippreżenta ċertifikat mediku.
Il-Ministru Farrugia Portelli fissret kif dan il-proċess ta’ simplifikazzjoni se jfisser li dawk li japplikaw għal sussidju jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu użu mill-oġġett li għandhom bżonn aktar malajr minħabba li l-proċess ikun iqsar u eħfef. “L-iskop huwa li nagħmlu ħajjet il-persuni b’diżabilità dejjem aktar faċli u li ma jaqtgħux qalbhom milli japplikaw minħabba burokrazija żejda li tfixkel flok tgħin,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna enfasizza li l-għan tal-Aġenzija hu li tagħmel is-servizzi u l-iskemi li toffri dejjem aktar aċċessibbli waqt li ssaħħaħ il-proċessi li jsarrfu f’aktar kontabilità, trasparenza u effiċjenza. Qal li skemi bħall-iskema tal-Empowerment huma importanti ferm fil-ħolqa ta’ servizzi mogħtija lill-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom għax grazzi għal apparat assistiv li jiġu megħjuna jixtru, dawn jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom fil-komunità.
Bejn Jannar u Diċembru 2023, ġew mogħtija ‘l fuq minn €782,000 f’sussidju lil persuni b’diżabilità li għamlu talba għal għajnuna finanzjarja mill-iskema Empowerment, filwaqt li ġew approvati total ta’ 1,385 applikazzjoni.
L-iskema Empowerment tkopri wkoll tiswijiet fuq apparat mixtri taħt l-istess skema.
Wieħed jista’ japplika għal din l-iskema billi jissottometti applikazzjoni elettronika mis-sit tal-Aġenzija www.sapport.gov.mt, jew jibgħat applikazzjoni bil-posta lill-Aġenzija Sapport, People Assistance Schemes, Triq Patri Ġwann Azzopardi, Santa Venera SVR1614 jew iwassal l-applikazzjoni hu stess f’dan l-indirizz, jew iżur wieħed mill-hubs ta’ servizz.gov.