Respite ġdid għall-persuni b’diżabbiltà f’Ħal Kirkop b’investiment ta’ €1.4 miljun

Data tal-Istqarrija
25/05/2026
Numru tal-Istqarrija
PR260921
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT

 

Ġiet inawgurata binja ġdida f’Ħal Kirkop li permezz tagħha Aġenzija Sapport ser tkun qed tkompli ssaħħaħ is-servizzi tagħha għal persuni b’diżabilità, permezz ta’ investiment ta’ €1.4 miljun. Il-binja, bl-isem ta’ “Spalla”, ser toffri servizzi ta’ respite kif ukoll servizzi tranżitorji għal għajxien indipendenti fil-komunità.​​

 

B’dan il-proġett qed titwettaq miżura oħra mill-Budget, li tipprovdi għal ċentru ta’ respite fin-nofsinhar ta’ Malta, bil-għan li persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom ikollhom aktar servizzi viċin il-komunità tagħhom.

 

Il-binja mistennija tibda topera minn Settembru 2026, bit-tmexxija tas-servizzi ser ikunu fdati f’idejn l-Inspire Foundation.

 

Il-faċilità ser tkun tista’ takkomoda sa massimu ta’ 12-il persuna fl-istess waqt. Kull persuna ser tingħata assessjar individwali minn professjonisti ta’ Aġenzija Sapport bil-għan li kull servizz ikun imfassal skont il-bżonnijiet u x-xewqat tal-individwu b’tim multidixxiplinari ta’ professjonisti ser ikun qed isegwi l-progress ta’ kull persuna.

 

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “dan il-proġett huwa prova oħra ta’ Gvern li ma jitkellimx biss fuq l-inklużjoni, iżda jinvesti fiha b’azzjoni konkreta u b’viżjoni fit-tul. B’dan l-investiment qed noħolqu spazju modern, sigur u dinjituż fejn persuni b’diżabilità jingħataw aktar opportunitajiet biex jgħixu b’indipendenza fil-komunità, filwaqt li nagħtu wkoll serħan il-moħħ lill-familji tagħhom permezz ta’ servizzi ta’ respite tant meħtieġa.”

 

“Permezz ta’ ‘Spalla’, mhux biss qed niftħu binja ġdida, iżda qed niftħu bibien għal aktar opportunitajiet, aktar għażliet u aktar dinjità għal persuni b’diżabilità. Aħna nemmnu f’soċjetà fejn kull persuna għandha d-dritt tgħix fil-komunità b’sapport adattat għall-bżonnijiet tagħha, u għalhekk se nibqgħu ninvestu f’servizzi moderni u ċċentrati fuq il-persuna. Dan huwa l-pajjiż li rridu nibqgħu nibnu flimkien, wieħed li jagħti sapport reali, u li ma jħalli lil ħadd waħdu,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.

 

Aġenzija Sapport ser tkun qed tassigura wkoll monitoraġġ kontinwu tas-servizzi sabiex jinżammu standards għoljin ta’ kwalità.

 

L-isem “Spalla” intgħażel wara eżerċizzju li sar ma’ studenti tar-raba’ sena sekondarja fil-Kulleġġ San Benedittu, Ħal Kirkop, biex il-komunità lokali tkun ukoll parti minn dan il-proġett importanti.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna rrefera lejn dan il-proġett bħala ħolqa oħra fil-katina ta’ servizzi mfassla u implimentati mill-Aġenzija.

 

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit.

 

Skip to content