B’referenza għal rapporti li ħarġu fil-ġurnali dwar sentenza mogħtija mill-Qorti fuq eks-impjegat ta’ Aġenzija Sapport dwar abbuż fuq persuna b’diżabilità, nenfasizza li l-Aġenzija tikkundanna kull abbuż li jsir fuq persuni b’diżabilità.
Dan kien każ ta’ offiża kriminali u għaldaqstant, ħames snin ilu meta dan l-abbuż ġie għall-attenzjoni tal-maniġment tal-Aġenzija, l-Aġenzija rrappurtat dan l-abbuż u kkollaborat bis-sħiħ mal-pulizija waqt li ssospendiet minnufih lill-impjegat involut. Dan kien ukoll abbuż aggravat għax sar fuq persuna vulnerabbli minn persuna li kellha d-dmir li tieħu ħsiebha.
L-Aġenzija tiċċara wkoll li dan l-impjegat kellu rwol ta’ Support Worker u mhux Social Worker, kif ġie rappurtat, u kien impjegat tal-Aġenzija sas-sena 2018.
L-Aġenzija għandha diversi miżuri mmirati li jipproteġu lil-persuni b’diżabilità inkluż policy dwar abbuż. Dan minbarra li l-maniġment tal-Aġenzija jiskatta wkoll proċessi investigattivi u proċeduri ta’ dixxiplina fejn tara li jkun hemm ksur ta’ din il-policy. F’każijiet fejn jirriżulta li jkun hemm ksur tal-liġi, l-Aġenzija tirreferi lejn il-pulizija sabiex jipproċedu bil-każ bil-mezzi kollha disponibbli.
Fix-xhur li għaddew, Aġenzija Sapport b’konsultazzjoni mal-unions kompliet ukoll proġett ta’ installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà fil-binjiet kollha tagħha sabiex tkompli ssaħħaħ il-mezzi ta’ sigurtà għall-benefiċċju tal-klijenti, impjegati u viżitaturi, skont il-policy ta’ sigurtà tal-istess Aġenzija. Bħala fornitur ta’ servizzi, Aġenzija Sapport tassigura wkoll li tagħti servizzi liċenzjati u ta’ kwalità għolja konformi mal-istandards maħruġa mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, bi professjonisti u impjegati mħarrġin sabiex ikunu jistgħu jagħtu servizz speċjalizzat. Dan minbarra li kull impjegat tal-Aġenzija jkun approvat permezz ta’ Rikors dwar Protezzjoni ta’ Minuri (POMA).
Oliver Scicluna
Kap Eżekuttiv