L-Access to Communication and Technology Unit (ACTU) joffri servizzi lill-individwi li għandhom bżonnijiet ta’ komunikazzjoni ta’ natura kumplessa, diffikultajiet fiżiċi u/jew sensorjali, bżonnijiet ta’ assistenza biex jitkellmu, tal-lingwa u tal-komunikazzjoni, u/jew diżabilitajiet fit-tagħlim, u lill-familji tagħhom. L-ACTU jassessja, joffri appoġġ u jagħti pariri, jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-komunikazzjoni u t-teknoloġija, u jimplimenta interventi u taħriġ.
Dan is-servizz jingħata mill-Ispeech & Language Therapists u mill-Occupational Therapists u jiġi assistit ukoll minn Support Worker.
L-ACTU joffri żewġ servizzi:
- Augmentative and Alternative Communication (AAC). Is-servizz tal-AAC jipprovdi sapport lil individwi li għandhom diffikultajiet ta’ komunikazzjoni ta’ natura kumplessa (Complex Communication Needs) minħabba li ma jitkellmux jew inkella ma jinftiehmux meta jitkellmu. L-għan prinċipali ta’ dan is-servizz huwa biex jassessja u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal sistemi ta’ AAC u jagħti għajnuniet u aċċess għalihom. L-ACTU jappoġġja wkoll lill-familji u lill-professjonisti fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna għall-komunikazzjoni rakkomandata.
- Electronic Assistive Technology (EAT). Is-servizz tal-EAT jipprovdi assessjar biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi sabiex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw il-kompjuter kif ukoll assessjar tal-ambjent tal-persuna.
Information Day Service
L-ACTU joffri wkoll is-servizz ta’ sessjonijiet informattivi fuq ġurnata fuq bażi perjodika għal dawk li għandhom aktar minn 16-il sena u jixtiequ jiddiskutu l-bżonnijiet ta’ AAC/EAT. Dan is-servizz huwa ideali wkoll għal dawk li mhumiex eliġibbli għas-servizz prinċipali, iżda jixtiequ pariri dwar l-istrateġiji AAC/EAT li jistgħu jaqdu l-bżonnijiet tagħhom. Din hija opportunità għal laqgħa ta’ siegħa ma’ Occupational Therapist (OT) u/jew ma’ Speech and Language Therapist (SLT) mit-tim tal-ACTU.