Servizz ta’ Tranżizzjoni

Ħarsa Ġenerali

Is-Servizz ta’ Tranżizzjoni għandu l-għan li jassisti lil adulti b’diżabilità li jixtiequ jimxu lejn stil ta’ ħajja aktar indipendenti fi ħdan il-komunità. Is-servizz ipoġġi lill-persuna fiċ-ċentru tas-servizz, billi jaħdem f’kollaborazzjoni mal-persuni b’diżabblità, mal-familji tagħhom, mal-professjonisti rilevanti u mal-komunità tagħhom sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet, il-kunfidenza u l-assistenza meħtieġa biex dawn l-adulti jkunu jistgħu jgħixu b’suċċess fil-komunità.

 

Permezz ta’ interventi strutturati, l-iżvilupp ta’ ħiliet prattiċi, assessjar, u ppjanar, it-tim għandu l-għan li jiffaċilita tranżizzjonijiet sikuri, sostenibbli u sinifikanti minn ambjenti ta’ għajxien istituzzjonalizzati u dipendenti fuq l-oħrajn għal ħajja b’aktar awtonomija u b’parteċipazzjoni akbar fil-komunità.

Eliġibilità

It-Tim tat-Tranżizzjoni jipprovdi servizzi lil adulti b’diżabilità li juru x-xewqa u li għandhom il-potenzjal li jimxu lejn ħajja aktar indipendenti.

 

Il-persuni jistgħu jitqiesu eliġibbli jekk:

  • Għandhom diżabilità intellettwali, fiżika, sensorja jew psikosoċjali li taffettwa l-funzjonament tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
  • Jeħtieġu assistenza u interventi strutturati biex jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għal għajxien indipendenti.
  • Huma interessati li jesploraw ambjenti ta’ għajxien alternattivi, il-possibilità li jgħixu fil-komunità, jew li jiksbu aktar awtonomija.
  • Jistgħu jibbenefikaw minn programm ta’ tranżizzjoni b’perjodu ta’ żmien definit u b’għanijiet speċifiċi, immirat biex iżid l-indipendenza u jnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq servizzi ta’ appoġġ formali.
  • Jistgħu jipparteċipaw fil-proċess ta’ assessjar u intervent, b’assistenza xierqa.

 

L-eliġibilità tiġi ddeterminata fuq bażi individwali wara assessjar komprensiv tal-ħtiġijiet, tal-għanijiet, tal-appoġġ meħtieġ, tar-riskji, u tal-kapaċità tal-persuna li tibbenefika minn interventi mmirati lejn it-tranżizzjoni.

 

Il-persuni eliġibbli jitpoġġew ukoll fuq lista ta’ prijorità, fejn il-livell tal-prijorità jiġi ddeterminat skont fatturi bħad-data tar-riferiment, il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi tal-persuna, id-disponibbiltà ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni xierqa u l-pjan ta’ tranżizzjoni propost.

Riferimenti u Assessjar

Ir-riferimenti lejn is-Servizz ta’ Tranżizzjoni jistgħu jsiru minn servizzi oħrajn ta’ Aġenzija Sapport, professjonisti multidixxiplinarji jew partijiet interessati oħrajn awtorizzati.

 

It-tim tal-Intake ta’ Aġenzija Sapport jirċievi u jipproċessa l-każijiet kollha li jaslu mill-individwi, il-familji u professjonisti oħra li jeħtieġu kwalunkwe servizz fl-Aġenzija. Il-każijiet kollha li jidħlu jiġu assessjati bir-reqqa mill-professjonisti tat-tim, li jidentifikaw liema servizz/i l-individwu jista’ jibbenifika minnu skont il-bżonnijiet, interessi u x-xewqat tal-individwu.

 

Wara dan l-assessjar, it-tim jikkomunika kif xieraq mal-professjonisti mid-dipartimenti tas-servizzi identifikati, u jwettaq pjanijiet ta’ azzjoni ta’ segwitu. F’każ fejn hemm il-ħtieġa għas-Servizz ta’ Tranżizzjoni, it-tim tal-Intake jikkollabora mat-tim tas-Servizzi ta’ Ħidma Socjali għal aktar assessjar. Jekk il-Ħaddiem Soċjali, mill-assessjar professjonali tiegħu/tagħha, jikkonkludi li l-familja u/jew l-individwu jaqgħu taħt il-kriterji ta’ eliġibilità tas-Servizz ta’ Tranżizzjoni, il-każ jiġi diskuss mal-professjonisti tat-Tranżizzjoni.

 

Malli jirċievi riferiment, it-tim jaħdem fuq il-proċess inizjali biex jiddetermina jekk il-persuna tista tibbenefika mis-servizz u biex jidentifika kwalunkwe ħtieġa immedjata ta’ appoġġ.

 

Imbagħad, isir assessjar komprensiv li jista’ jinkludi:

  • Reviżjoni taċ-ċirkostanzi attwali tal-persuna, l-arranġamenti ta’ appoġġ li għandha u l-ambjent li tgħix fih.
  • Assessjar tal-ħiliet tal-ħajja ta’ kuljum u tal-kura personali, il-parteċipazzjoni fil-komunità, u l-ħiliet soċjali, inklużi perjodi ta’ prova li matulhom il-persuna tqatta’ l-lejl fl-akkomodazzjoni.
  • Kunsidrazzjoni tal-ħtiġijiet relatati mas-saħħa, mal-imġiba, mal-komunikazzjoni, mal-finanzi u mal-protezzjoni tal-persuna.
  • Identifikazzjoni tal-għanijiet personali, l-aspirazzjonijiet, il-kapaċitajiet, u l-oqsma fejn il-persuna tista’ tkompli tiżviluppa. Issir konsultazzjoni mal-persuna, mal-familja tagħha, mal-ħaddiema u mal-professjonisti rilevanti.

 

Wara l-assessjar, jitfassal pjan ta’ tranżizzjoni individwalizzat, li jistabbilixxi l-għanijiet miftiehma, l-interventi, l-assistenza meħtieġa, il-perjodi ta’ żmien, u l-kriterji li jintużaw biex jitkejjel il-progress. Dan il-progress jiġi segwit regolarment, filwaqt li l-interventi jiġu adattati skont il-ħtieġa biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet, il-preferenzi, u ċ-ċirkostanzi li jinbidlu tal-persuna jibqgħu fiċ-ċentru tal-proċess kollu tat-tranżizzjoni.