Sharing Lives joffri opportunitajiet lill-voluntiera u lill-persuni b’diżabilità, speċjalment lil dawk li ftit li xejn għandhom sapport, biex:
- jaqsmu esperjenzi
- joħolqu interazzjonijiet soċjali u
- jagħmlu ħbieb ma’ persuni oħra b’diżabilità
L-aspett tas-servizz li jinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ ħbiberiji jgħin biex jinħolqu d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn persuni b’diżabilità u s-soċjetà inġenerali. Jagħti wkoll l-opportunità lill-persuni b’diżabilità biex jieħdu sehem f’avvenimenti u attivitajiet u jegħlbu l-esklużjoni soċjali filwaqt li jibnu relazzjonijiet sinifikanti.
L-attivitajiet fi grupp huma primarjament organizzati mill-voluntiera jew ispirati mill-interessi tal-klijent u jinkludu pikniks, ħarġiet għat-teatru, attivitajiet sportivi, mużika, arti, live-ins, bowling, passiġġati, sessjonijiet informattivi u edukattivi eċċ.
Il-persuni b’diżabilità jkunu dejjem akkumpanjati mill-professjonist(i) u/jew il-voluntiera ta’ Sharing Lives. Il-voluntiera jingħataw taħriġ mill-professjonisti ta’ Sharing Lives.
Jonathan Calleja, Klijent
“Sharing Lives hi xi ħaġa sabiħa, għax permezz tagħha niltaqgħu u ngħinu lil xulxin. Minbarra l-grupp taż-żgħażagħ, għamilna clean-up, bnejna presepju flimkien u għamilna volontarjat maż-żwiemel. Inħossni verament tajjeb waqt dawn l-attivitajiet u nieħu pjaċir. Ħadt gost anke meta kantajna waqt attività fejn tajna l-presepju li għamilna flimkien lill-qassisin. Vera kont ħadt gost. Dawn l-esperjenzi jagħtuk sodisfazzjon għaliex tkun qed tgħin lin-nies. Nieħu gost ukoll għaliex niltaqgħu mal-ħbieb. Hi xi ħaġa speċjali ħafna li kull ġimgħa jkollna xi ħaġa differenti x’nagħmlu. Tgħallimt ħafna affarijiet. Tgħallimt dwar il-fotografija, dwar l-importanza tar-riċiklaġġ u kif għandna nieħdu ħsieb l-ambjent.”