Is-Servizz Supported Independent Living jippermetti lill-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti u b’mod awtonomu fil-komunità. L-appoġġ jingħata ġewwa akkomodazzjoni għall-għajxien ippersonalizzat, li tista’ tkun appartamenti jew djar fil-komunità.
L-għan prinċipali ta’ dawn l-akkomodazzjonijiet huwa li jsaħħu u jippromwovu l-indipendenza, l-inklużjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-persuni b’diżabilità permezz ta’ pjan iffukat fuq il-persuna.
Is-Servizz jagħti valur lid-dinjità, lis-saħħa umana, lill-potenzjal u d-determinazzjoni tal-persuna u jitmexxa bil-proċess ta’ kodisinn u koproduzzjoni sabiex dawn il-persuni jilħqu l-għanjiet mixtieqa tagħhom. Għal din ir-raġuni, is-Servizz jadotta l-prinċipji li ġejjin:
- It-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-għażla – fejn il-vuċi u l-ideat tal-klijenti jiġu rrispettati sabiex ikollhom kontroll fuq ħajjithom, filwaqt li jiġu megħjuna jiżviluppaw il-personalitá, il-qawwiet u l-indipendenza tagħhom.
- L-appoġġ attiv – il-persuni b’diżabilità jiġu mħeġġa jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw bis-sħiħ f’ħajjithom, billi jirċievu l-firxa u l-livell neċessarju ta’ appoġġ.
- Il-prattika tal-awtopromozzjoni – il-persuni b’diżabilità għandhom ikunu konxji tad-drittijiet tagħhom u għandhom jiġu megħjuna jiddefendu d-drittijiet tagħhom.
- It-teħid tad-deċiżjonijiet appoġġat u msaħħaħ – il-persuni b’diżabilità jiġu megħjuna, jekk ikun meħtieġ, biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-arranġamenti ta’ għajxien, il-kura tas-saħħa, ir-relazzjonijiet u l-kwistjonijiet finanzjarji.
Permezz tal-pjanijiet iffukati fuq il-persuna, il-persuni li joqogħdu ġewwa akkomodazzjoni ta’ Supported Independent Living, jingħataw l-appoġġ biex:
- Ikomplu l-edukazzjoni tagħhom u jirċievu tagħlim individwali skont il-bżonnijiet personali tal-individwu;
- Isaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom;
- Jirreġistraw u jattendu taħriġ dwar l-impjiegi;
- Ifittxu u jinvolvu ruħhom f’opportunitajiet ta’ impjieg;
- Jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ sport, ivvjaġġar u divertiment;
- Iżommu relazzjonijiet pożittivi mal-familji u mal-qraba tagħhom;
- Jagħmlu ħbieb u konoxxenzi ġodda permezz ta’ opportunitajiet għall-inklużjoni;
- Jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ integrazzjoni;
- Jinvolvu ruħhom f’sessjonijiet terapewtiċi skont il-bżonn, sabiex jiffaċilitaw il-benesseri emozzjonali u t-tkabbir personali, fost affarijiet oħra.