Is-servizz ta’ Monitoraġġ – Għajxien Indipendenti fil-Komunità (ICLM) fl-Aġenzija Sapport juża r-riżorsi tiegħu biex jagħti servizzi ta’ appoġġ u ta’ segwitu lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom f’Malta u Għawdex li jibbenefikaw minn sussidju finanzjarju biex dawn jiksbu l-assistenza personali minn carer tal-għażla tagħhom. Dawn is-servizzi għandhom l-għan li jgħinu lill-persuna b’diżabilità tkun aktar indipendenti fil-komunità filwaqt li jiżguraw li dawn il-persuni jibqgħu jirċievu s-servizzi, li qegħdin hemm biex jaqdu l-bżonnijiet tagħhom.
It-tim tal-ICLM jimpenja ruħu biex jiżgura li l-klijenti qed jirċievu l-aktar assistenza ta’ benefiċċju għalihom u li qed jitwettaq id-dritt tagħhom għal kwalità tal-ħajja aħjar. Jagħti wkoll valur lid-dinjità, is-saħħa u l-bżonnijiet tal-persuna. Is-servizz jiġi ggwidat b’mod qawwi mill-iskop tiegħu li jikseb l-għanjiet mixtieqa tal-individwu.