Servizz għall-persuni neqsin mis-smigħ

Ħarsa Ġenerali

Is-Servizz għall-Persuni Neqsin mis-Smigħ jipprovdi informazzjoni u gwida biex jappoġġja l-aċċess għall-persuni b’telf ta’ smigħ. Is-servizz jgħin lill-individwi, lill-familji, u lill-professjonisti jagħmlu kuntatt mas-servizzi u jikkomunikaw b’mod aktar effettiv.

 

Jiġu pprovduti wkoll sessjonijiet ta’ għarfien biex jgħallmu livell bażiku ta’ lingwa tas-sinjali Maltija. Is-sessjonijiet huma mfassla apposta skont is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet partikolari ta’ min juża s-servizz.

 

Il-kollaborazzjonijiet u l-koproduzzjoni jitwettqu ma’ servizzi oħra minn Aġenzija Sapport u ma’ entitajiet oħra li jipprovdu servizzi oħra bħall-FITA, is-CRPD, u s-servizz ta’ Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali.

 

Is-servizzi huma ta’ benefiċċju għal:

  • Persuni neqsin mis-smigħ ta’ kull età
  • Persuni li jesperjenzaw telf ta’ smigħ u forsi jużaw hearing aids jew impjanti kokleari
  • Familji, skejjel, postijiet tax-xogħol kif ukoll professjonisti oħra

 

Għal aktar informazzjoni jew biex tibbukkja s-servizz, wieħed jista’ jibgħat email fuq deaf.sapport@gov.mt.

Ħjilijiet dwar kif nikkomunikaw aħjar ma’ Persuni Neqsin mis-Smigħ

  • Xejjer jew taptap fuq l-ispalla biex tiġbed l-attenzjoni tagħhom

 

  • Ħares lejn il-persuna meta titkellem

 

  • Oqgħod fid-dawl biex wiċċek jidher sew

 

  • Ieqaf għal pawsiet waqt li titkellem

 

  • Tkellem b’pass normali u ċar kemm jista’ jkun

 

  • Jekk tkun fi grupp, titkellmux f’daqqa

 

  • Indirizza l-persuna, mhux lill-interpretu

 

  • Kun paċenzjuż u kalm, u fuq kollox, tibżax

 

  • Uża l-espressjonijiet tal-wiċċ u l-moviment tal-ġisem
Skip to content