L-għan ta’ din l-iskema hu li toffri appoġġ u assistenza finanzjarja lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom biex jixtru mezz ta’ trasport adattat għall-bżonnijiet tagħhom.

 

Formola tal-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata flimkien ma’:

  1. kopja tal-Karta Ewropea tad-Diżabilità
  2. kopja tal-liċenzja tas-sewqan

 

L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lil Aġenzija Sapport qabel ma tinxtara l-vettura.

 

Importanti:

  • Huwa importanti li l-vettura ma tinxtarax u ma tiġix irreġistrata f’Malta qabel ma tgħaddi mill-proċess kollu u qabel ma tinħareġ ittra ta’ Approvazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.
  • Il-vettura li eventwalment tinxtara ma tridx tkun diġà rreġistrata f’Malta.
  • Jekk il-vettura tkun ġiet irreġistrata qabel jew matul il-fażi tal-ipproċessar, l-applikazzjoni tingħalaq. Dan ifisser ukoll li l-applikant jista’ japplika biss għall-Eżenzjoni mil-Liċenzja tat-Triq fuq vettura rreġistrata.
  • Barra minn hekk, jekk l-individwu jkun qed japplika għall-ewwel darba, jew jekk il-bżonnijiet għall-vettura tiegħu jkunu nbidlu mill-aħħar applikazzjoni, se jintalab jattendi laqgħa mal-Occupational Therapist biex isir assessjar.

 

Malli jitlestew id-dokumenti kollha, l-applikazzjoni tintbagħat lill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol għall-konsiderazzjoni tal-Bord. L-ittra ta’ deċiżjoni li tingħata l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq il-vettura tinħareġ mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.

Kriterji

  • Biex tibbenefika mill-Eżenzjoni mit-Taxxa tar-Reġistrazzjoni fuq Vettura, il-vettura ma tridx tkun diġà rreġistrata f’Malta.  L-unika eċċezzjoni hi meta l-vettura tinxtara lokalment, direttament mill-persuna b’diżabilità li diġà bbenefika minn din l-eżenzjoni.
  • Jekk id-diżabilità tal-individwu bdiet meta kellu 65 sena jew aktar tard, hu jrid ikun is-sewwieq biex jibbenefika mill-Eżenzjoni mit-Taxxa tar-Reġistrazzjoni fuq il-Vettura. Madankollu, dan ma japplikax għall-individwi li japplikaw għall-Eżenzjoni fuq Vetturi Aċċessibbli għas-Siġġu tar-Roti.

 

Agħfas fuq din il-ħolqa għal kopja tal-linji gwida tal-iskema.

Kif għandek tapplika

Dawk interessati li japplikaw għal din l-eżenzjoni jistgħu jimlew il-formola tal-applikazzjoni onlajn, jniżżlu l-applikazzjoni u jibgħatuha email, imorru biha personalment jew jibagħtuha bil-posta fl-indirizz ta’ hawn taħt.

IMLA L-APPLIKAZZJONI ONLAJN
AGĦFAS HAWN GĦAL KOPJA TAL-APPLIKAZZJONI

Ħinijiet tal-ftuħ

 

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa:  07:30 – 16:00

Is-Sibt, il-Ħadd u l-Festi Pubbliċi: Mhux disponibbli

Indirizz: Aġenzija Sapport, Triq Patri Ġwann Azzopardi, Santa Venera SVR 1614

Għal direzzjonijiet agħfas fuq din il-ħolqa

 

Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema, wieħed għandu jibgħat email fuq schemes.sapport@gov.mt.

 

Agħfas fuq din il-ħolqa għall-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs) dwar din l-iskema
Skip to content