L-għan ta’ din l-iskema hu li tipprovdi sapport u għajnuna finanzjarja lil persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom sabiex jixtru vettura aċċessibbli għas-siġġu tar-roti skont il-bżonnijiet tagħhom.
Din l-iskema tagħti għotja fuq vetturi li huma strettament għas-sewqan mis-siġġu tar-roti. Dan ifisser li l-vettura għandu jkollha rampa elettrika fuq wara fejn is-sewwieq tas-siġġu tar-roti jkun jista’ jaċċessaha bis-siġġu tar-roti u jpoġġi lilu nnifsu quddiem ir-rota tal-isteering biex isuq il-vettura.
L-għotja mgħotija minn din l-iskema hi ta’ 20% fuq il-prezz tal-vettura mixtrija, li m’għandux jaqbeż €60,000 esklużi l-ispejjeż kollha tat-taxxi u r-reġistrazzjoni. Dan huwa sussidju ta’ darba. Dan ifisser li dawk il-vetturi li diġà bbenefikaw minn skemi bħal dawn, mhux se jerġgħu jkunu eliġibbli.